Raġel Jinżamm Arrestat Wara Li Weġġa’ Persuna B’Arma Bil-Ponta
Illum, il-Pulizija ressqet b’arrest fil-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgette Sultana LL.D, raġel ta’ 45 sena u residenti r-Rabat, Għawdex.
Hu ġie akkużat li lbieraħ, għall-ħabta tal-4:30pm waqt li kien fi Triq l-Ewropa, r-Rabat, Għawdex, hedded u weġġa’ b’mod ħafif persuna oħra b’arma li taqta’ u bil-ponta.
Hu ġie akkużat ukoll li żamm fil-pussess tiegħu strument li jaqta’ u bil-ponta mingħajr il-liċenzja jew permess tal-Kummissarju tal-Pulizija.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu u nżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.