Raġel Ndarab B’Mod Gravi F’Inċident Tat-Traffiku Bejn 4 Vetturi
Raġel kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei, wara li weġġa’ f’inċident tat-traffiku f’San Ġiljan.
Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-10pm, il-Pulizija ġiet infurmata li fi Triq Mikiel Anton Vassalli, kien hemm ħabta bejn erba’ vetturi.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn sabu maħbutin Peugeot 207 misjuqa minn Taljan ta’ 40 sena li jgħix l-Imsida, Honda Fit misjuqa minn mara ta’ 38 sena residenti Marsaskala, Toyota Aygo misjuqa minn raġel ta’ 68 sena li jgħix tas-Sliema u Suzuki Baleno misjuqa minn Libjan ta’ 54 sena residenti l-Gżira.
Raġel ta’ 38 sena li jgħix Marsaskala kien passiġġier fil-karozza Honda.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-assistenza u ambulanza li ħadet lir-raġel Libjan l-isptar għall-kura. Iktar tard hu ġie ċċertifikat li ndarab b’mod gravi.
Il-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrewx ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.