Sottomess Lill-Kummissjoni Ewropea L-Pjan Ta’ Rkupru U Reżiljenza Għal Malta
Il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta (RRP) intbagħat formalment lill-Kummissjoni Ewropea biex fix-xahrejn li ġejjin issir l-evalwazzjoni tiegħu biex finalment tingħata l-approvazzjoni u l-pjan ikun jista’ jibda jiġi implimentat.
Waqt it-tnedija tal-Pjan, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar il-miri ewlenin ta’ dan il-pjan li għall-implimentazzjoni tiegħu qed jiġu allokati €345 miljun f’baġit totali. Il-pjan tfassal skont il-kriterji stabbiliti mill-istess Kummissjoni Ewropea fosthom li 37% tal-infieq iridu jkunu indirizzati lejn proġetti ambjentali marbuta mat-tibdil fil-klima.
Zrinzo Azzopardi stqarr li Malta qegħda tkun ambizzjuża aktar mill-miri tal-istess Kummissjoni għaliex f’dak li jirrigwarda l-ambjent qed tippjana li tonfoq madwar nofs l-allokazzjoni kollha għal proġetti ambjentali u madwar 26% tan-nefqa immirati lejn proġetti konnessi mad-diġitilizazzjoni tal-ekonomija.
Dan il-pjan ta’ rkupru hu magħmul minn 17-il proġett ta’ investiment u inizjattivi, flimkien ma’ għadd ieħor ta’ riformi f’diversi oqsma.
€189 miljun se jintefqu biex jindirizzaw inizjattivi favur enerġija nadifa, b’investimenti fir-rinnovar ta’ bini pubbliku u bini kummerċjali tal-privat biex jużaw inqas enerġija. Se jsiru aktar skemi biex il-karozzi tas-servizz pubbliku, il-karozzi tal-privat u anke l-vetturi tat-trasport pubbliku ikunu jaħdmu bl-elettriku biex jonqsu l-emmissjonijiet.
Nefqa ta’ €55 miljun sejra għall-qasam diġitali favur ekonomija diġitali, intelliġenti u reżiljenti. Qed tiġi ppjanata nefqa oħra ta’ €50 miljun biex is-sistema tas-saħħa tkun aktar reżiljenti u nefqa ta’ €41 miljun biex jinbena kampus ġdid għall-ITS u b’hekk inkunu qed inkomplu nsaħħu l-edukazzjoni vokazzjonali fil-pajjiż. Qed tiġi allokata nefqa ta’ €10 miljuni biex issir id-diġitilizzazzjoni tal-qrati filwaqt li ħa jkomplu jingħataw spinta ’l quddiem ir-riformi meħtieġa biex tissaħħaħ il-governanza fil-pajjiż.
Ritratt: DOI