“Wasal Iż-Żmien Li Pajjiżna Jkollu Gvern Li Jixraqlu U Politika Li Tagħmel Il-Ġid” – Bernard Grech
F’kollegament telefoniku fuq Net FM, il-Kap tal-PN Bernard Grech tenna li “Irridu nkomplu naħdmu biex il-Partit Nazzjonalista jkun il-vejikolu tal-bida li tant hemm bżonn f’dan il-pajjiż”.
Qal li wasal il-mument li jekk irridu verament li Malta timxi ‘l quddiem, ikollna Gvern li jixraq b’politika tajba li tagħmel il-ġid.
Semma kif Chris Peregin għamel għażla tajba u ngħaqad mal-PN fejn telaq is-suċċess li wettaq u fehem li dmiru hu li jagħmel differenza għal pajjiżu.
Madanakollu, qal ukoll li għad hemm min għadu mhux komdu li jingħaqad mal-PN iżda jwiegħedhom li l-Partit għandu bżonn lil kulħadd u huwa partit li jilqa’ lil kulħadd. Bernard Grech saħaq li huwa importanti li naħdmu flimkien biex niksbu lura d-dinjità li Malta jixraqilha.
Hawnhekk semma wkoll lil Ċensu Galea u Francis Zammit Dimech li qal li fehemu li għandhom jagħtu spazju lil oħrajn iżda l-ħidma tagħhom mhix se tieqaf.
Bernard Grech saħaq li Robert Abela għandu bżonn għall-ġid ta’ pajjiżna, jiċħad il-legat ta’ Joseph Muscat. “Ma nistgħux nibqgħu fid-dell tal-iktar politiku korrott. Jekk Abela mhux se jiċħdu, Abela qed juri li komdu b’Muscat u b’dak li għamel.”
Tkellem ukoll dwar il-pandemija fejn qal li dan li qed nesperjenzaw issa, huwa nuqqas tal-Gvern fejn l-ewwel ġab l-istudenti u għamlu li riedu, u issa morna għal estrem ieħor b’nies jispiċċaw jidħlu fi kriżi.
Ritratt: Net News