Approvati €84 Miljun F’Ċertifikati Ta’ Taxxa Li Jappoġġjaw Lin-Negozji

 Approvati €84 Miljun F’Ċertifikati Ta’ Taxxa Li Jappoġġjaw Lin-Negozji

Huwa stmat li mas-7,000 negozju se jkun qed jibbenefika minn estensjoni tal-iskema MicroInvest, amministrata mill-Malta Enterprise, li tassisti negozji u self-employed meta jinvestu f’apparat, refurbishment, ħolqien ta’ impjiegi u operat iktar sostenibbli tan-negozji tagħhom.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ħabbret l-estensjoni ta’ din l-iskema, bl-għan li tipprovdi lin-negozji iktar żmien biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kreditu ta’ taxxa. Iċ-ċertifikati tal-MicroInvest li kienu se jiskadu sal-2023, issa se jkunu mġedda sal-2026.

“Parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni, dawk in-negozji li għamlu xi investiment fl-2019 u ppjanaw biex jibbenefikaw minn kreditu ta’ taxxa fl-2020 u l-2021, se jkunu jistgħu jsarfuh fl-2024, 2025 u 2026. Dan qed nagħmluh għax nifhmu li matul il-pandemija, naqas il-bejgħ u allura l-ammont ta’ taxxa dovuta naqset,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

“Din l-iskema qed tagħti nifs lil dawn in-negozji ż-żgħar, li ħafna minnhom huma self-employed u joperaw f’diversi setturi.”

Il-Ministru Dalli qalet li f’sentejn u nofs, mill-2019, grazzi għal din l-iskema l-Gvern approva €84 miljun f’għajnuna. Il-maġġoranza ta’ dawn in-negozji huma dawk ta’ retail u wholesale, li jammontaw għal 24% tal-benefiċċjarji segwiti mis-settur tal-catering u l-akkomodazzjoni b’9% oħra.

Ġiet mħabbra l-verżjoni aġġornata u msaħħa tal-inċentiv MicroInvest. Verżjoni li tinkludi għajnuna ġdida fuq spejjeż marbuta ma’ ċertifikazzjoni flimkien ma’ sapport fuq l-akkwist ta’ vetturi kummerċjali, b’għajnuna ikbar fuq dawk hybrid u elettriċi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia rrimarka kif Malta Enterprise taġġorna l-inċentivi tagħha perjodikament.

Malta Enterprise qed tikkollabora ma’ entitajiet oħra biex tkompli tipprovdi l-aħjar assistenza u sapport. Irridu nkomplu ukoll nappoġġjaw lin-negozji biex ikunu innovattivi u sostenibbli,” qal Farrugia.

Benefiċjarji li ċ-ċertifikati tagħhom se jiskadu matul din is-sena u fis-sentejn li ġejjin, jiġifieri fl-2022 u fl-2023, se jirċievu email li tinfurmahom li huma eliġibbli għal estensjoni taċ-ċertifikati tagħhom. Dawn l-applikazzjonijiet jintlaqgħu sa Novembru li ġej.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel lil Business First fuq 144.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com