Arkafort Tħabbar Kollaborazzjoni Ġdida Ma’ Project Maleth
Arkafort għadhom kemm ħabbru kollaborazzjoni ġdida ma’ Project Maleth, l-ewwel programm xjentifiku Malti li ħa jintbagħat fl-Istazzjon Spazjali Internazzjonali. Il-proġett jista’ potenzjalment iwassal għal avvanz fit-trattament tad-dijabete, li hija problema komuni u mifruxa fil-gżejjer Maltin.
Arkafort ingħaqdet sabiex tappoġġa l-proġett permezz tal-esperti u r-riżorsi tagħha. Flimkien max-xjenzat bijomediku l-Professur Joseph Borg u t-tim tiegħu li jinsabu wara dan il-proġett, Arkafort se tkun qed tibni sistema li tikkontrolla d-data tal-missjoni. L-inġiniera ta’ Arkafort se jkunu qed jibnu softwer li permezz tiegħu tinġabar d-data kemm mill-Istazzjon Spazjali Internazzjonali kif ukoll mil-laboratorji bbażati fl-Università ta’ Malta sabiex din tkun tista’ tiġi analizzata mit-tim tar-riċerka.
Project Maleth huwa proġett innovattiv ħafna, kemm fuq livell sperimentali kif ukoll f’termini tal-potenzjal tiegħu. L-ispazju u l-mikrogravità se jkunu qed joffru raġunijiet ġodda għall-ittestjar u r-riċerka fuq 6 kampjuni tal-microbiomes tal-ġilda tal-bniedem minn pazjenti dijabetiċi. Dawn il-kampjuni, għandhom jiġu analizzati flimkien ma’ kampjuni oħra fil-laboratorji. Il-Professur Borg jispjega li, “abbażi ta’ dan l-istudju, se nkunu nistgħu nqabblu l-bacterial genetics fl-ispazju u fid-dinja, u se nkunu nistgħu nesploraw kemm id-differenzi kif ukoll ix-xebh. Ir-riżultati jistgħu jwasslu għal mediċina speċifika mmirata lejn dawn il-microorganisms.”
Il-ko-fundatur ta’ Arkafort u d-Direttur Eżekuttiv Gordon Grech jispjega li din il-kollaborazzjoni hija pass importanti għal Arkafort, “f’Arkafort, ma nipprovdux biss servizzi relatati mat-teknoloġija lill-klijenti tagħna iżda nfittxu wkoll li ninvestu fl-iżvilupp ta’ teknoloġija ġdida. Aħna nemmnu bis-sħiħ li billi nesploraw modi kif it-teknoloġija tista’ tikkontribwixxi b’mod attiv lejn ir-riċerka u l-esperimenti xjentifiċi, inkunu qed inwettqu wkoll l-għanijiet fit-tul tagħna għall-kumpanija u nikkontribwixxu b’mod attiv biex nibnu futur aħjar u aktar sostenibbli.”