Mħabbar Investiment Ta’ €8 Miljun Għal Sensory-Hydrotherapy Pool Fl-Iskola F’Ta’ Sannat

 Mħabbar Investiment Ta’ €8 Miljun Għal Sensory-Hydrotherapy Pool Fl-Iskola F’Ta’ Sannat

F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li ħa jsir investiment ta’ €8 miljun għall-bini ta’ sensory-hydrotherapy pool fl-Iskola Primarja f’Ta’ Sannat fejn jattendu tfal u studenti żgħażagħ bi ħtiġijiet edukattivi individwali.

“Se naraw li din l-iskola tkun ċentru ta’ eċċellenza li jservi ta’ taħriġ għall-edukaturi u professjonisti oħra. L-iskola f’Ta’ Sannat diġà għandha kuntatti tajbin ma’ diversi skejjel fl-Ewropa, saħansitra mal-Finlandja u għalhekk huwa mistenni li permezz tal-Erasmus +, l-iskola ssir ċentru ta’ taħriġ fuq livell Ewropew”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana filwaqt li ħabbret dan il-proġett.

Waqt il-konferenza ġie spjegat kif l-awtiżmu jġib miegħu ħafna sfidi u ebda każ mhu bħal ieħor, u għalhekk nitkellmu dwar persuni fuq il-firxa wiesgħa tal-awtiżmu. Ir-riċerka turi li t-terapija tista’ tagħmel differenza kbira għal dawn il-persuni, b’mod partikolari fejn tidħol l-imġiba, filwaqt li sservi ta’ motivazzjoni biex jitgħallmu.

Kien għalhekk li ngħata bidu għal dan il-proġett mhux biss ta’ hydrotherapy pool imma wkoll sensory-hydrotherapy pool, biex dawk li jeħtieġu din it-terapija jkollhom pixxina attrezzata għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ persuni bl-awtiżmu.

Il-Ministru Caruna qalet li dan il-proġett huwa importanti ħafna u għandu dimensjonijiet differenti. Hija qalet li nitkellmu ħafna dwar l-inklużjoni, imma finalment l-inklużjoni trid tiġi mwettqa u rridu nkunu aħna stess li nattwawha. “Il-kelma inklużjoni tfisser li nagħtu d-drittijiet lil kull tifel u tifla, indipendentament mill-ħiliet u l-bżonnijiet tagħhom, imma rridu nkunu aħna li nagħtu l-opportunità, imma fuq kollox il-faċilitajiet”, kompliet il-ministru.

Dan il-proġett huwa wkoll proġett fdat f’idejn il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada.

Il-pixxina se tkun aċċessibbli wkoll wara l-ħinijiet tal-iskola u għalhekk se jkollha aċċess separat mill-binja tal-iskola, filwaqt li l-bini u l-pixxina se jkunu aċċessibbli għall-komunità, għal persuni li għandhom sfidi ta’ mobbiltà.

Ir-riċerka turi wkoll li dak li huwa ta’ benefiċċju għal tfal bl-awtiżmu huwa ta’ benefiċċju wkoll għat-tfal kollha, kunċett magħruf bħala ‘universal design’, u għalhekk huwa mistenni li l-pool igawdi minnu kulħadd, kemm fil-ħin tal-iskola u anke wara.

Il-pixxina se jkollha ilma b’temperatura adattata, dwal u ħsejjes kontrollati, kif ukoll karatteristiċi sensorji (sensory features). Biswit il-pixxina se jkun hemm ukoll kamra għall-Ewwel Għajnuna, faċilitajiet sanitarji u changing rooms.

Għat-tnedija ta’ dan il-proġett kienu preżenti l-Kap Eżekuttiv tal-FTS Neville Young u l-Kap tal-Iskola Pauline Grech.

Ritratti: MFED

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com