Bħal-Lum Kieku Huwa L-Ħruġ Min-Niċċa Tal-Bambina Fin-Naxxar
It-28 t’Awwissu huwa jum sinifikanti għan-Naxxarin għaliex jimmarka l-bidu tal-festi ad unur Marija Bambina.
Kieku mhux waqt pandemija, bħal-lum in-Naxxar jieħu libsa ta’ festa b’ċelebrazzjoni kbira ta’ quddiesa fil-Kolleġġjata u wara ħruġ min-niċċa akkumpanjat mill-Banda Peace tan-Naxxar b’innijiet popolari Marjani.
Fosthom, l-innu O Tfajla Mmakulata li huwa innu antik u maħbub sew min-Naxxarin.
Madanakollu l-pandemija waqqfet kollox diġà għal sentejn sħaħ fuq xulxin. Iżda, fin-Naxxar il-poplu ma qatax qalbu. Il-Knisja tinsab armata kif suppost fejn għat-tieni sena, is-sagristan Gowdin Gauci ħa ħsieb li t-tempju t’Alla jkun fl-aqwa tiegħu f’jum it-Twelid tal-Bambina, l-armar ta’ barra wkoll jintrama u ż-żewġ soċjetajiet tal-Baned jagħmlu ħilithom li jtellgħu attivitajiet xierqa skont il-protokolli tal-pandemija.
In-nar tal-ajru ma jonqosx. Bla dubju, fin-Naxxar hemm tradizzjoni kbira tan-nar tal-art li n-nuqqas tiegħu jinħass ġmielu.
Minn qalbna, awguri lin-Naxxarin kollha u lil dawk li għandhom għal qalbhom il-festi.