Bil-Filmat: Tifel Ta’ 7 Snin B’Imħabba Kbira Għall-Festi…Jagħmel Appell!
Id-dilettanti tal-festa jammontaw eluf, però żgur li Mattia huwa fost l-iżgħar u l-aktar dilettanti entużjasti li verament minn età żgħira jħobb il-festi b’imħabba kbira.
F’messaġġ li kiteb Andre Muscat, missier Mattia qal li t-tifel jixtieq ikompli jkabbar il-kollezzjoni tal-kotba u flokkijiet tal-festi Maltin li għandu. Huwa għamel vidjow ukoll fejn Mattia stess għamel dan l-appell fuq il-mezzi soċjali lis-soċjetajiet tal-banda kif ukoll individwi biex jgħinuh.
Mattia għandu biss 7 snin u minn età iżgħar ġa kien juri l-imħabba tiegħu lejn il-festi fejn ta’ età pjuttost żgħira dejjem xtaq li bħala rigali f’għeluq sninu jew fil-Milied jirċievi statwi u mhux ġugarelli. Fil-fatt il-kamra tiegħu hija mimlija statwi ta’ Qaddisin kif ukoll tal-Ġimgħa l-Kbira.
Lil Mattia dejjem tarah jisma’ xi marċ u jaf jgħidlek x’jismu u min kiteb il-marċ ukoll, apparti minn hekk Mattia kapaċi jgħidlek il-festa li tiġi ċċelebrata f’kull raħal u belt f’Malta u Għawdex kif ukoll anke l-armar ta’ liem raħal jkun.
Meta titkellem ma Mattia taffixina ruħek bil-passjoni li għandu lejn il-Festi, li ta’ età żgħira diġà għandu aspirazzjonijiet li jkun President tal-Peace Band Club, il-banda li tant iħobb fin-Naxxar.
Aħna qed inwasslu l-appell tiegħu wkoll sabiex jekk tixtieq tgħin lil Mattia jkompli jkabbar il-kollezzjoni tiegħu, ikkuntattja lil Andre Muscat permezz tal-mezzi soċjali.
Ara l-appell ta’ Mattia: