€150,000 F’Finanzjament Għal SAT-FIRE – Proġett Li Permezz Tal-Intelliġenza Artifiċjali T-Temperatura Ta’ Wiċċ Il-Baħar Titkejjel B’Aktar Dettall
Tim ta’ tliet riċerkaturi mill-Università ta’ Malta rnexxielhom itejbu r-riżoluzzjoni tad-data dwar it-temperatura tal-wiċċ tal-baħar bl-użu ta’ tekniki ta’ Intelliġenza Artifiċjali (IA). Dan ifisser li d-data miġbura tkun tista’ tintuża aħjar għall-osservazzjoni tat-tibdil fil-klima u t-tbassir tat-temp.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), Dr Jeffrey Pullicino Orlando, fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, qal li: “L-MCST għandu rwol ewlieni fl-inkoraġġiment ta’ riċerka innovattiva f’oqsma relatati mal-ispazju. Il-Kunsill jagħti pariri lill-Gvern dwar il-politika tal-Ispazju u għaddej b’ħidma biex jippromovih lokalment permezz tal-edukazzjoni, l-iżvilupp ta’ kompetenzi u inizjattivi oħra. Ħloqna wkoll opportunitajiet ta’ fondi fis-settur, bħall-Fond għar-Riċerka Spazjali, b’riżultat ta’ sforz kollaborattiv ma’ aġenziji ewlenin internazzjonali f’dan il-qasam. Dan il-proġett SAT-FIRE rċieva madwar 150,000 ewro f’fondi sabiex itejjeb ir-riżorsi umani meħtieġa u tagħmir teknoloġiku relatat.”
L-għadd ta’ satelliti li qed jorbitaw il-pjaneta tagħna qiegħed dejjem jikber. Dawn qegħdin hemm biex nimmoniterjaw il-kundizzjonijiet ambjentali, ġeofiżiċi u atmosferiċi li qed jinbidlu b’mod kostanti. Dawn is-satelliti għandhom kameras sofistikati abbord li jistgħu jintużaw biex jaqbdu immaġini tad-Dinja hekk kif tgħaddi s-satellita. Dawn jistgħu jkunu bħal kameras li jieħdu stampi tal-kulur simili għal dawk li nieħdu mit-tieqa tal-ajruplan bl-ismartphone tagħna, jew kameras termali, li jkejlu s-sħana li toħroġ mis-superfiċji tad-Dinja. Parametru importanti li jinqabad mill-kameras termali huwa t-temperatura tal-wiċċ tal-baħar, li hija utli ħafna fit-tbassir tal-kurrenti tal-baħar.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Dr Owen Bonnici attenda għall-avveniment li sar fiċ-Ċentru Interattiv Esplora, biex jippromwovi dan il-proġett. Fid-diskors tiegħu, huwa feraħ lir-riċerkaturi għall-kisba kbira li għamlu u li qed tiġi rikonoxxuta internazzjonalment. Huwa rringrazzja wkoll lill-Aġenzija Spazjali Ewropea għall-għarfien espert tekniku li kontinwament tipprovdi u l-Iskema tal-Fond Nazzjonali għar-Riċerka Spazjali, li hija strumentali biex dawn il-proġetti ta’ riċerka jsiru possibbli.
Dr Ing Gianluca Valentino, lettur fl-Università ta’ Malta u r-Riċerkatur Prinċipali tal-proġett SAT-FIRE, qal li s-satellita Sentinel-3 tal-Aġenzija Spazjali Ewropea tista’ tkejjel id-data dwar it-temperatura tal-wiċċ tal-baħar tal-istess post kull jumejn, u b’hekk tagħmilha adattata għall-użu fit-tbassir tal-kurrenti tal-baħar. Madankollu, ir-riżoluzzjoni tad-data hija baxxa, peress li jistgħu jitkejlu biss bidliet fit-temperatura tas-superfiċji tal-baħar fuq area akbar minn kilometru. Min-naħa l-oħra, is-satellita USGS/NASA Landsat 8 tista’ taqbad immaġini b’aktar dettall. Bidliet fit-temperatura fuq żoni żgħar daqs 100 metru jistgħu jidhru, iżda billi s-satellita tgħaddi fuq l-istess post biss kull 16-il jum, id-data tagħha ma tistax tintuża għal skopijiet ta’ tbassir.
Il-proġett SAT-FIRE (SATellite data Fusion and Imaging Resolution Enhancement for coastal areas) kien wieħed mill-ewwel proġetti li rċieva finanzjament mill-ewwel Fond Nazzjonali għar-Riċerka Spazjali. L-investigatur prinċipali dwar dan il-proġett huwa Dr Ing. Gianluca Valentino, bil-koinvestigaturi jkunu Dr Ing Reuben Farrugia mid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni u l-Inġinerija tal-Kompjuter u Dr Anthony Galea mid-Dipartiment tal-Geosciences fl-Università ta’ Malta.
Il-Proġett SAT-FIRE huwa ffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, għal u f’isem il-Fondazzjoni għax-Xjenza u t-Teknoloġija, permezz tal-Fond għar-Riċerka Spazjali.