Estiża L-Iskema Tal-Gozo Employment Refund Scheme Tas-Sena 2020

 Estiża L-Iskema Tal-Gozo Employment Refund Scheme Tas-Sena 2020

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar l-estensjoni tal-iskema tal-Gozo Employment Refund Scheme tas-sena 2020. L-għan ewlieni ta’ din l-iskema, li hija miżura ewlenija tal-baġit, huwa li tixpruna l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli f’Għawdex fuq bażi full-time.

Għal dan, il-Ministru Camilleri sostna li intrapriżi u kumpaniji f’Għawdex li jiġġeneraw impjieg ġdid b’kuntratt minimu ta’ 3 snin, jibbenefikaw minn rimborż tas-salarju sa massimu ta’ €6,000 fuq perjodu ta’ 3 snin. Filwaqt li jiġu sostnuti impjiegi sostenibbli, 50% tar-rimborż isir fit-tielet sena biex ikun assigurat impjieg fit-tul.

Kompla jgħid li, “Din l-iskema titħaddem fuq bażi annwali. Proprju s-sena l-oħra konna nedejna l-istess estensjoni għas-snin 2018 u 2019. B’kollox f’dawn l-aħħar 3 snin ilqajna ’l fuq minn 400 applikazzjoni. Dan qed inħabbruh ftit jiem wara li statistika uffiċjali wriet li f’Għawdex fis-sena tal-pandemija, proprju f’Ġunju, kienu biss 136 persuna jirreġistraw għal xogħol. It-tnaqqis fir-rata tal-qgħad f’Għawdex għall-inqas livelli fl-istorja hija sforz ħidma u pjan ċar tal-gvern”.

Id-Direttur għat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex Ronald Sultana qal li eliġibbli sabiex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom huma kumpaniji li mill-1 ta’ Jannar 2020 iġġeneraw impjieg f’Għawdex, u l-istess impjegat jew impjegati għadhom ingaġġati mal-istess kumpanija mingħajr ebda perjodu ta’ terminu tal-impjieg. Fost il-kundizzjonijiet hemm ukoll li l-impjegati jridu jingħataw kuntratt tax-xogħol b’kuntratt minimu ta’ snin jew indefinit.

Il-Ministru Camilleri ħeġġeġ lil dawk l-intrapriżi u l-kumpaniji Għawdxin li huma eliġibbli sabiex japplikaw biex ma jitilfux din l-opportunità. L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħa sal-31 ta’ Diċembru 2021.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lid-Direttorat tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fil-Ministeru għal Għawdex li jamministra din l-iskema, permezz tal-email [email protected] jew tan-numru tat-telefown 22100285.

Ritratt (MGOZ)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com