Għalhiex? Se Nergġgħu Nagħmlu Sena Oħra Bla Festi???
Ninsabu f’ nofs Awissu, ix-xahar li fih jilħqu l-qofol tagħhom il-festi Maltin. Għadhom kif għaddew il-Festi f’ ġieħ Santa Marija, liema festi jkunu ċelebrati f’ 7 bliet w rħula madwar Malta w Għawdex nhar il-15 t’ Awwissu. Kienu festi kwieta u mingħajr il-pompa tas-soltu dejjem minħabba l-pandemija. Kienu festi li weġġgħu lil dawk involuti, fejn ġew revokati l-permessi ta’ quddiesa fl’apert skond id-direttivi tad-dipartiment tas-Saħħa pubblika.
Hawn nistaqsi Għalxiex?
X’ hemm moħbi wara din l-istrateġija li qegħdin noħonqu lil dawk li b’ mod volontarju jorganizzaw l-attivitajiet t-tradizzjonali tagħna l-Maltin?
Jiġu aktar mistqosijiet u dubji dwar il-veru skop ta’ dawn ir-restrizjonijiet fuq il-Festi Maltin meta nhar it-Tnejn 16 t’ Awwissu filgħaxija waqt mixja fil-belt kapitali niltaqgħa m’ attività tal-massa quddiem il-qorti! Hawn nistaqsi dan kif, dawn għandhom il-permess li jorganizzaw attività tal-massa w aħna d-dilettanti u l-voluntiera tal-festi ninsabu mċaħdin minn dak li dejjem ħdimna għalih dejjem a skapitu tal-pandemija?
Hawn indur fuqhek Dr. Charmaine Gauci, għamilt xoghol impekkabbli tul il-pandemija, iżda issa qed jinqabeż kull limitu. Ma nagħmlux mod li int waħda minn dawk li tixtieq teqred il-festi u dak kollu li huwa tradizzjonalment Malti bl-iskuza tal-pandemija?
Nistaqsik kif ħareġ il-permessa għall-attività ta’ nhar it-Tnejn 16 t’ Awissu fil-Belt Valletta, attività bilwieqfa meta l-iStanding Events huma projbiti? Kif fl-aħħar ħin ġie rrifjutat permess għall-quddiesa fl-apert fil-Qrendi w imbgħagħad attività bilwieqfa fil-Belt Valletta tingħata l-permess?
Il-mexxejja politiċi għandhom id-dover u d-dmir li jħarsu u jsaħħu dak li huwa tradizzjonalment Malti. Mill-2013 lil hawn rajna investiment massiċċ fil-każini tal-baned, l-għaqdiet tal-armar u l-postijiet tan-nar, allura nistaqsi għalxiex dawn ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-festi Maltin?
Għalxiex qed noħonqu l-inizjattiva volontarja li trid tieħu snin sabiex terġa titrawwem?
Għalxiex sabiex jitella’ kunċert bandisitku fi pjazza hemm bżonn ‘high solid fencing’ qisu qed nagħmlu xi ħaġa llegali w imbgħad attività politka ssir qisu xejn mhux xejn?
Sabiex torganizza festa ma tistax tibda minn xahar qabel, hemm bżonn li tibda tipprepara minn issa. Hemm bżonn li jkun hemm pjan serju sabiex il-festi esterni jerġgħu jibdew jiġu ċċelebrati b’ mod sħiħ mill-ewwel festa tas-sena – fl-10 t’ Frar.
Hemm bżonn li l-gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa iwarrbu s-suppervja u jpoġġu madwar mejda flimkien mal-Għaqdiet konċernati sabiex jibdew diskussjonijiet bis-serjetà ħalli matul is-sena 2022 nerġgħu naraw il-festi Maltin w Għawdxin fl-isplendur tagħhom.
M’ aħniex ser nittolleraw aktar impożizzjoni bħal ma ġara s’ issa!
M’ aħniex ser naċċettaw li sabiex nibdew niddiskutu dwar iċ-ċelebrazjonijiet tal-festi esterni nħallu Ġunju jasal meta kollox ikun diġà ppjanat!
Il-virus COVID-19 jinsab magħna u ser jibqa’ magħna! Il-poplu obda u segwa l-istruzzjonijiet, 92% tal-Poplu Malti hija vaċċinata!
Issa rridu ħajjitna lura!
Issa rridu l-ħajja kulturali u tradizjonali tagħna l-Maltin terġa’ taqbad ir-ritmu tagħha.
Inutli li l-ministri u l-membri parlamentari jduru l-każin u jippużaw għar-ritratti kull tmiem il-ġimgħa meta qegħdin noqtlu l-ħajja u l-iskop ta’ dawn l-istess każini. Hemm bżonn li jwasslu l-karba ta’ dawk kollha li jaħdmu b’ mod volontarju f’ dan is-settur.
Nittama li dan l-appell sinċier u mill-qalb ma jaqax fuq widnejn torox. Nittama li l-gvern jisma’ l-karba tagħna u sal-aħħar ta’ Settembru 2021 jitfassal pjan bejn dawk kollha nvoluti sabiex il-festi esterni 2022 jkunu jistgħu jiġu ċċelebrati.
(Dan l-artiklu nkiteb u ntbagħat lilna minn grupp ta’ dilettanti tal-festi li jinsabu mħassba dwar il-futur ta’ din it-tradizzjoni kulturali u reliġjuża ta’ pajjiżna)