“Il-Gvern Qed Ikaxkar Saqajh Biex Jindirizza L-Problema Ambjentali” – Il-PN
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima Robert Cutajar, il-Kelliem għall-Ekonomija l-Ħadra u l-Proġetti Kapitali David Thake u l-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Janice Chetcuti ntqal li fil-qasam ambjentali, u fid-dawl tar-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti li juri s-sitwazzjoni kritika biex tkun indirizzata l-problema tat-tibdil fil-klima, il-gvern permezz tal-Ministru Aaron Farrugia għadu qed ikaxkar saqajh.
Il-PN qal li dan hu Gvern li niżżel il-miri tal-Unjoni Ewropa fil-qtugħ tal-emmissjonijiet, naqas milli jinvesti f’infrastruttura għall-karrozzi elettriċi u gvern li qed jinjora d-drittijiet ta’ dawk li jinvestu f’sistemi ta’ pannelli solari.
“Il-Gvern falla u issa għax kien obligat li mill-fondi ta’ rkupru jrid jalloka ammont għas-settur ambjentali, issa qed jipprova jieħu l-mertu għal dan. L-istess bħal ma daqq il-vittorja meta kien ftaħar li kien ikkonvinċa lill-Unjoni Ewropea biex il-miri ta’ Malta fejn jidħol it-tnaqqis fl-emmissjonijiet jinżel minn 36% għal 19%.”
Matul il-konferenza l-kelliema tal-PN komplew jgħidu li hemm bżonn ta’ deċiżjonijiet biex bħala poplu nindirizzaw din is-sitwazzjoni. Issemma kif hemm bżonn infrastruttura b’saħħitha u kampanja edukattiva qawwija biex aktar nies jinvestu f’vetturi elettriċi. “Gvern li falla fil-miri ambjentali tal-2020 ma’ jistax ikun kredibbli u fdat fuq dak li qed jgħid dwar il-miri għas-snin 2030 u 2050,” tenna l-PN.
Il-kelliema fakkru kif il-Partit Nazzjonalista qed ikun pro-attiv, għandu cluster dedikata għal dan is-settur li qed taħdem fuq proposti li se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin. Issemma wkoll kif il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem fuq konferenza nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima li d-dettalji tagħha se jkunu qed jitħabbru fil-ġranet li ġejjin.