“Il-Gvern Qed Juri Biċ-Ċar Li M’Għandux Għaġla Biex Pajjiżna Jerġa’ Lura Fuq Il-Lista L-Bajda” – Il-PN

 “Il-Gvern Qed Juri Biċ-Ċar Li M’Għandux Għaġla Biex Pajjiżna Jerġa’ Lura Fuq Il-Lista L-Bajda” – Il-PN

“Il-Gvern ta’  Robert Abela qed juri biċ-ċar li m’għandux għaġla biex pajjiżna jerġa’ lura fuq il-lista l-bajda. Kull ġurnata b’Edward Zammit Lewis bħala Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza tfisser ġurnata oħra ‘l bogħod milli noħorġu mill-grey listing. Il-Gvern mhux qed jifhem l-urġenza tas-sitwazzjoni. Irid 18-il-xahar biex joħroġ lil Malta mil-lista l-griża. Kull ġurnata qed tfisser telf ta’ investiment u xogħol għal eluf ta’Maltin.”

Dan kien il-ġist ta’ konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista mil-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Alex Perici Calascione, Graham Bencini u Paula Mifsud Bonnici fejn huma qalu li l-operaturi fis-settur finanzjarju u bosta setturi oħra li jiddependu mill-investiment barrani inkwetati għax ġa qed jaraw ‘slow-down’ fl-interess ta’ investiment barrani. “Dan qed jifhmuh ħafna Maltin u Għawdxin mis-setturi kollha tal-ekonomija li jifhmu tajjeb li l-ekonomija hija katina fejn jekk tiddgħajjef ħolqa waħda jħossuha s-setturi kollha,” sostnew il-kelliema tal-PN.

Skond survey ppublikat li sar minn Newsbook juri li 60% tal-poplu huwa mħasseb jew imħasseb ħafna li l-grey listing ser jolqot il-ġejjieni tiegħu.

Il-PN saħaq li l-Greylisting qed jinħass b’mod dirett min ħafna diġà. “Il-banek reġgħu żiedu l-monitoraġġ u l-kontrolli anke fuq sempliċi investimenti ta’ ftit eluf mill-familji Maltin. Il-banek infushom qed jidħlu f’aktar spejjeż ta’ compliance li jridu jgħaddu wkoll għand il-konsumatur. L-operaturi fis-settur qed jgħidu wkoll li ħafna mill-internet platforms li qed jagħlqu t-trading accounts hawn Malta waqt li qed issir diffiċli ferm biex il-banek isibu correspondent banking accounts. Dan kollu jaffetwa bi kbir kemm hu attraenti l-pajjiż għall-investitur barrani.”

“L-investiment barrani mhux xi ħaġa astratta,” tennew il-kelliema tal-PN filwaqt li qalu li l-Investiment barrani jfisser il-ħobża ta’ kuljum ta’ eluf ta’ ħaddiema Maltin, mill-ħaddiema fil-fabbriki sa’ dawk fl-uffiċini u s-self employed. Ilkoll jiddependu minn influss ta’ investiment u flejjes ġejjin minn barra.

Il-PN temm jgħid li “joħroġ ċar mis-survey imsemmi li filwaqt li l-maġġoranza ta’ dawk intervistati huma nkwetati dwar il-grey listing u r-riperkusjonijiet fuq Malta, il-maġġoranza wkoll jaħsbu li huwa l-Gvern Malti li jaħti għal din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com