Il-Kamra Tal-Kummerċ Fi Ftehim Mal-Fondazzjoni Għat-Trasport Sabiex Jiżdied L-Għarfien Dwar Trasport Sostenibbli

 Il-Kamra Tal-Kummerċ Fi Ftehim Mal-Fondazzjoni Għat-Trasport Sabiex Jiżdied L-Għarfien Dwar Trasport Sostenibbli

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta, flimkien mal-Fondazzjoni għat-Trasport iffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni biex jippromwovu forom differenti ta’ mezzi ta’ trasport li huma sostenibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u li jirrispettaw l-Ambjent.

“Peress li s-sostenibbiltà hija pilastru ewlieni fil-viżjoni tal-Kamra tal-Kummerċ lejn tkabbir ekonomiku etiku, il-Kumitat għall-Mobbilità Sostenibbli fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ kien qed imexxi u jaħdem favur l-ambjent permezz ta’ diversi inizjattivi” qalet Marisa Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ.

“Dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni huwa mpenn ieħor tanġibbli ta’ kif Il-Kamra tal-Kummerċ qed taħdem ma’ partijiet konċernati biex ittejjeb il-ħajja u l-benesseri ta’ kulħadd filwaqt li jixprunaw tkabbir ekonomiku sostenibbli,” qalet Xuereb.

Permezz ta’ dan il-ftehim, iż-żewġ partijiet qablu li jikkollaboraw fuq inizjattivi relatati mal-elettrifikazzjoni tal-vetturi li se tirriżulta fi tnaqqis fl-emissjonijiet, avvanz fit-teknoloġija u l-għarfien f’dan is-settur. Dawn jinkludu ċertifikazzjoni kompetenti ta’ persuni u organizzazzjonijiet li joperaw fis-settur, jiġu stabbiliti linji gwida għall-promozzjoni aktar wiesa ta’ użu u installazzjonijiet ta’ charging stations, u inċentivi biex vetturi jiġu modifikati jew jinbidlu għal dawk elettriċi, b’enfasi qawwija fuq is-sostenibbiltà.

Il-ftehim ġie ffirmat minn Marisa Xuereb u Chris Vassallo Cesareo bħala President u Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ rispettivament, u Joseph Bugeja u Anthony David Gatt, Chairperson u l-Amministratur tal-Bord tal-Fondazzjoni għat-Trasport rispettivament. Dan sa fil-preżenza ta’ Dr Ian Borg, Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, u Dr. Marthese Portelli, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com