Il-Każini Tal-Banda Jitolbu Lill-Awtoritajiet Għal-Laqgħat Dwar Il-Festi 2022 Inkluż Dik Tal-Ġimgħa Mqaddsa
Wara dak li rajna lbieraħ fil-festa ta’ f’Ħal Safi kif ukoll f’festi oħra matul il-ġimgħat li għaddew u dak li qed jiġri f’postijiet ta’ divertiment oħra, L-Eżekuttiv tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda ħass li kellu jitkellem f’isem il-każini tal-baned f’Malta u Għawdex dwar din is-sitwazzjoni.
L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda fakkret li l-Festi huma wirt intanġibbli Nazzjonali. Fakkret ukoll li wara ħidma kbira li saret mill-Għaqda ġiet sottomessa applikazzjoni li qegħda pendenti quddiem il-UNESCO sabiex il-Festa tiġi rikonoxxuta bħala Wirt Intanġibbli dinji tal-UNESCO.
L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda kompliet tħeġġeġ u tappella lil dawk li għad iridu jiċċelebraw il-festi tagħhom fil-ġimgħat li ġejjin sabiex jkomplu jagħmlu dan b’rispett sħiħ lejn id-direttivi u l-miżuri mħabbra dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.
Fl-istqarrija l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tenniet li “b’dispjaċir tinnota l-miżuri sproporzjonati li qegħdin jittieħdu fil-konfront tas-Soċjetajiet tal-Banda u d-dilettanti tal-festi matul iċ-ċelebrazzjonijiet jew attivitajiet li dawn l-istess Soċjetajiet qegħdin jorganizzaw.”
L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda saħqet ukoll li “huwa d-dmir tagħna li nkunu minn ta’ quddiem sabiex nissalvagwardjaw dan il-wirt intanġibbli. Għalhekk qegħdin għal darba oħra nitolbu lill-awtoritajiet konċeranti sabiex minn ISSA nibdew diskussjonijiet dwar il-festi 2022 mingħajr dewmien, ħalli mis-sena 2022 nerġgħu nibdew niċċelebraw il-festi kollha fl-2022 inkluż dawk tal-Ġimgħa Mqaddsa.”
Ritratt: Peace Band Club, Naxxar