Il-Majjistru Ġenerali Tal-Ordni Dumnikana Jasal F’Malta – Jkompli Jitfakkar It-800 Sena Mill-Mewt Ta’ San Duminku
Iċ-ċelebrazzjonijiet fil-Birgu biex jitfakkar it-800 sena mil-mewt ta’ San Duminku jkomplu llum hekk kif id-Dumnikani tal-Birgu ser jilqgħu fosthom il-Majjistru Ġenerali tal-Ordni Dumnikan, fra Gerard Francisco Timoner III.
Is-Sibt li għadda waslet f’Malta r-relikwja tal-kranju ta’ San Duminku, fejn matul din il-ġimgħa sal-Ħadd li ġej qed isiru bosta ċelebrazzjonijiet biex jimmarkaw dan l-anniversarju. Nhar il-Ħadd li ġej, fil-Birgu l-festa Dumnikani tilħaq l-qofol tagħha f’Jum il-Festa.
Iktar tard illum fil-5:30pm il-Majjistru Ġenerali tal-Ordni Dumnikan ser imexxi Għasar Solenni fil-Bażilika ta’ Sidtna Marija tal-Portu Salvu u San Duminku fil-Belt Valletta. Wara jakkumpanja r-relikwja ta’ San Duminku fuq il-baħar waqt li taqsam il-Port il-Kbir flimkien mal-Provinċjal P. Viċenz Micallef, u l-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu. Wara fis-7:15pm ir-relikwja ta’ San Duminku u l-Majjistru jkunu milqugħa b’ċelebrazzjoni speċjali fil-Knisja tal-Lunzjata l-Birgu.
Għada t-Tlieta 24 t’Awwissu 2021 il-Majjistru ser imexxi quddiesa solenni għall-Familja Dumnikana kollha fl-okkażjoni tal-Aħħar Tlieta ta’ San Duminku fil-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata, il-Birgu.