Il-PN Jgħid Li L-Gvern Għandu Jikkumpensa Lil Dawk Milquta Mill-Qtugħ Tad-Dawl
“L-inqas li jista’ jagħmel il-Gvern hu dak li jikkumpensa lil dawk vittmi għan-nuqqas ta’ responsabbiltà tal-Gvern ta’ Robert Abela u li qed ibatu minn qtugħ spiss tas-servizz essenzjali tal-elettriku.” Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Politika dwar l-Ilma u l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Ryan Callus u mill-kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali Mark Anthony Sammut u Rebekah Cilia.
Il-PN saħaq li “Il-Partit Laburista fis-sena 2013 tela’ bl-għajta li jirriġenera s-settur tal-enerġija. Wegħduna ħolma u minflok tawna inkubu. Illum tmien snin wara, minflok tefgħuna f’sitwazzjoni ta’ dlam u sħana. Din mhix il-wegħda li għamel il-Partit Laburista, hekk kif pajjiżna qed ikompli jesperjenza aktar blackouts f’għadd ta’ lokalitajiet li f’waqtiet qed ikunu għal fuq minn 12-il siegħa.”
Il-PN kompla jgħid li fi Frar li għadda ressaq il-proposti għall-Enerġija, li jinkludi nvestiment fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-enerġija biex jassigura sistema distributorja li hija suffiċjenti għall-bżonnijiet tal-lum. “Dakinhar il-Partit Laburista injora din il-proposta u naqas milli jimplimenta strateġija komuni bejn l-iżvilupp u d-distribuzzjoni,” tennew il-kelliema tal-PN.
Waqt din il-konferenza l-PN sostna li biex saret il-powerstation tal-Electrogas, infetħu kumpaniji l-Panama, saru garanziji bankarji riskjużi, intrabatna li nixtru elettriku bil-għoli, intrabatna li nixtru l-gass bil-għoli, tfarrku l-istituzzjonjiet ta’ pajjiżna u fuq kollox inqatlet ġurnalista. “Dan kollu biex ftit nies jieħdu €5,000 kuljum f’kumpaniji sigrieti u ma dan kollu l-ebda azzjoni għadha ma ttieħdet mill-Kummissarju tal-Pulizija fil-konfront ta’ Konrad Mizzi, il-ministru laburista li kien responsabbli minn dan kollu.”
Il-kelliema temmew jgħidu li għal dan kollu qed ibatu l-ħaddiema tal-Enemalta li qed jaħdmu sigħat twal, l-anzjani, l-morda, trabi, tfal u ħafna oħrajn.
“Din mhix il-kwalitá tal-ħajja li jistħoqqilhom il-Maltin u l-Għawdxin u għalhekk l-inqas li jista’ jagħmel il-Gvern hu li jagħti kumpens lil dawk milquta,” insistew il-kelliema tal-PN.