In-Nar Ħakmilhom Id-Dar Fin-Naxxar – Miet Ukoll Il-Kelb ‘Yogi’ Il-Mimmi Tal-Familja

 In-Nar Ħakmilhom Id-Dar Fin-Naxxar – Miet Ukoll Il-Kelb ‘Yogi’ Il-Mimmi Tal-Familja

Luca Mangion, ġuvnott li sal-Erbgħa 28 ta’ Lulju, 2021 kien qed jgħix ħajja normali bħal adoloxxenti oħra tamparu. Kamartu kienet il-mimmi t’għajnejh. Kamra miżmuma f’kundizzjoni tajba u mżejna b’ xalel, kits u kalendarji tal-Barcellona – it-tim favorit tiegħu. Il-playstation ma tonqosx bl-istess Luca kien joqgħod paxxut fuq gaming chair li kien talab lill-ġenituri tiegħu biex jixtrulu.

Kien għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar meta ‘short circuit’ fil-garaxx ta l-bidu biex il-ħolma ta’ Luca, it-tbatijiet tal-ġenituri tiegħu Daren u Claire u anke x-xewqat ta’ ħuh Matteo jinbidlu, anzi jitqalu u jisfaxxaw.

Jisfaxxaw kif sfaxxat aktar min-nofs id-dar li kienu jgħixu fiha. Spiċċaw ta’ fuqhom senduqhom. Tilfu kelb li kien il-mimmi t’għajnejn li Luca laqgħu f’daru wara li kien abbużat minn sidien oħra. Kelb, Yogi, li l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu kienu d-dħaħen li wasslu għal mewtu. Beża’ joħroġ mid-dar bħalma għamlu l-erba’ membri tal-familja u Chase, il-kelb l-ieħor tal-familja. Ma salvax.

In-nirien infirxu malajr … f’minuti l-kamra ta’ Luca ma baqgħetx tingħaraf. L-istess il-kċina, il-kurituri, kmamar oħra – ballun nar li mal-ħin inbidel f’daħna sewda. Luca ma nissilx kelma. Baqa’ jittama, jistenna, jitlob – li Yogi joħroġ qawwi u sħiħ. Li ma kienx jaf kien li Yogi mar fil-post fejn l-aktar kien ifissdu huwa stess.

Għaddew ftit jiem li fihom sar l-aċċess ta’ inċident li ma ġarax bi traskuraġni jew tort ta’ xi ħadd. Luca u familtu daħlu d-dar jaraw kif ġiet. Luca għamel kuraġġ jara kamartu. Ittama li jsalva xi ħaġa. Pero’, kif jixhed ir-ritratt – kulma sab kien kollox maħruq. Kutra tal-Barcellona nstabet trietaq ħdejn il-ħadid li kien il-bażi tas-sodda fejn Luca kien jorqod. Milll-gaming chair tant għal qalbu nstab biss il-ħadid tas-saqajn. Il-kit tan-Naxxar Lions, it-tim li miegħu jittrenja Luca wkoll ma nstabx. Kien l-ewwel ħaġa li mar jixtri. Xtaq jibda ħajtu malajr mill-ġdid. Imma, kif qalulna l-ġenituri tiegħu, jaf li fadallu ħafna biex jerġa’ jidħol f’kamra li jista’ jsejjaħ tiegħu. Għamara mhux se tkun l-istess … Bħal Luca l-istess Matteo li għalkemm kamartu ma ġarbitx l-istess danni li ħalliet lil ta’ Luca, tilef xi affarijiet ukoll. Xi ngħidu għal Daren u Claire?

Kienu qed jirranġaw id-dar sabiex lit-tfal jagħtuhom ambjent isbaħ u aħjar. Il-flus li nefqu dawn l-aħħar xhur taru mar-riħ meta f’siegħa tilfu ġidhom.

L-appell huwa li jekk tistgħu, aħsbu f’din il-familja. Ħbieb tal-familja qed jiġbru donazzjonijiet – HSBC account, numru 033203803051 (Daren Mangion), IBAN huwa MT49MMEB44336000000033203803051 jew Revolut, 99426544.

Appell imur ukoll lil xi kumpaniji biex jgħinuhom jerġgħu jiġu fuq saqajhom … u min jaf? Forsi Luca, l-agħar li ntlaqat f’din l-esperjenza, jerġa’ jista’ jidħol komdu f’kamartu u jkompli b’ħajtu l-istess kif nawguraw li jkomplu Daren, Claire u Matteo.

Il-familja qed tapprezza ħafna l-għajnuna li qed issib speċjalment mill-qraba, mill-ġirien, mill-ħbieb u saħansitra minn diversi nies li ma jafux.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com