Inawgurat Proġett Ta’ Ġbir Ta’ Data Mill-Baħar Bħala Parti Minn Investiment Ewropew Ta’ €2.5 Miljun

 Inawgurat Proġett Ta’ Ġbir Ta’ Data Mill-Baħar Bħala Parti Minn Investiment Ewropew Ta’ €2.5 Miljun

Ġew inawgurati s-sistemi tal-osservazzjoni CALYPSO South f’Għar Lapsi, viċin is-sit ta’ wieħed mir-radars, fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

Permezz ta’ investiment ta’ €2.5 miljun ta’ fondi tal-Interreg Italia-Malta 2014-2020 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Grupp Oċeanografiku Fiżiku fi ħdan id-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi fl-Università ta’ Malta waqqaf tagħmir speċjalizzat li jwassal data marittima f’ħin reali lil Malta permezz ta’ servizzi dedikati inklużi apps tal-mobile.

Is-sistema ewlenija ta’ osservazzjoni tikkonsisti f’netwerk ta’ radars ta’ frekwenza għolja fi stazzjonijiet partikolari mal-kosta madwar il-gżejjer Maltin u fuq il-kosta tan-Nofsinhar ta’ Sqallija. Flimkien ma’ sistemi oħra li jiġbru data meteo-marittima, isiru osservazzjonijiet regolari biex jeżaminaw il-baħar u joħorġu data dwar parametri essenzjali li jiddeskrivu l-istat tiegħu f’ħin reali.

Dawn ir-radars jagħtu ritratt aġġornat tal-kundizzjonijet meteo-marittimi hekk kif dawn jevolvu tul il-ħin. Din id-data sservi prinċipalment biex tgħin lill-entitajiet nazzjonali responsabbli sabiex jiżguraw navigazzjoni aktar sigura, tassisti fl-operazzjonijiet ta’ tiftix u ta’ salvataġġ, u f’każ ta’ theddid minn tixrid ta’ żejt u materjali perikolużi fil-baħar.

Il-Ministru Aaron Farrugia faħħar dan il-proġett importanti u l-kollaborazzjoni bejn il-ministeru, l-ERA u l-Università ta’ Malta, u spjega li tali data xjentifika hija meħtieġa biex jittieħdu deċiżjonijiet politiċi infurmati dwar kwistjonijiet ambjentali. Huwa qal li l-ambjent tal-baħar huwa partikolarment sinifikanti għall-gżejjer tagħna, hekk kif is-settur tal-ekonomija l-blu jammonta għal 15% tal-ekonomija Maltija u jiġġenera madwar 27,000 impjieg.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan il-proġett li sar b’investiment ta’ €2.5 miljun qed naraw prova ċara li meta jkun hemm kollaborazzjoni u ħidma kontinwa, jinkisbu riżultati aħjar u b’mod aktar effettiv. Dan il-proġett qed iwassal għal riċerka estensiva dwar il-baħar, li hija ta’ benefiċċju għal diversi setturi, fosthom is-settur tat-turiżmu.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll ir-Rettur tal-Università ta’ Malta u uffiċjali minn Transport Malta u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

“Fl-era tad-diġitalizzazzjoni, l-elaborazzjoni ta’ data tal-baħar issir aspett speċjalizzat ta’ eċċellenza ekonomika u kompetittività,” qal il-Prof. Aldo Drago, il-mexxej tal-proġett CALYPSO South, u akkademiku fid-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi fl-Università ta’ Malta.

Ir-Rettur tal-Università, il-Prof. Alfred J. Vella, tenna li dan il-proġett huwa ż-żwieġ perfett bejn it-teknoloġija, żviluppata grazzi għal riċerkaturi fl-Università, u l-applikazzjoni prattika tax-xjenza li se tkun ta’ benefiċċju għall-pajjiżi fiż-żona tagħna tal-Baħar Mediterran, żona li hija partikolarment vulnerabbli għat-tixrid taż-żejt, meta wieħed iqis li madwar 20% tat-traffiku dinji tat-tankers taż-żejt jgħaddi minnha.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com