Inawgurat Xogħol Ta’ Restawr Fid-Daħla Ewlenija Taċ-Ċittadella

 Inawgurat Xogħol Ta’ Restawr Fid-Daħla Ewlenija Taċ-Ċittadella

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura b’mod uffiċjali r-restawr li sar fuq ir-ravelin fit-triq u d-daħla ewlenija taċ-Ċittadella.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex spjega li dawn ix-xogħlijiet mill-isbaħ saru b’investiment ta’ madwar €75,000 fuq żewġ fażijiet, fejn l-għan aħħari kien li jiġi ppreservat dan il-bini strateġiku mibni mill-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Waqt il-konferenza intqal ukoll li fost ix-xogħlijiet li saru fl-ewwel fażi hemm dawk li saru fiż-żona tal-ħaxix sintetiku fin-naħa ta’ fuq tal-istruttura li ġiet eliminata peress li s-sistema tat-tisqija tagħha kienet qed toħloq ħsarat serji fil-ħitan tal-madwar u fil-ħajt Ruman ta’ taħtha li nstab waqt skavi arkeoloġiċi. Apparti dan, tpoġġa wkoll tapit impermeabbli fuq sodda tal-konkrit, saru l-culverts, u sar pavimentar b’ġebel tal-qawwi.

Min-naħa l-oħra t-tieni fażi kienet tinkludi r-restawr u l-manutenzjoni tal-ħitan tal-madwar, ix-xiri ta’ bankijiet għar-rikreazzjoni, illuminazzjoni ġdida, u railings tal-istainless steel li jikkumplimentaw lil dawk tal-faċċata.

Il-Ministru Camilleri, filwaqt li tenna l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex sabiex jibqa’ jwettaq proġetti simili favur il-gżira Għawdxija, spjega kif minħabba s-sensittività tas-sit, ix-xogħol kollu sar b’konsultazzjoni kontinwa mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Preżenti kien hemm ukoll id-Direttur għall-Wirt Kulturali John Xuereb, li stqarr li dan ir-restawr fuq ir-ravelin huwa parti żgħira minn programm sħiħ ta’ manutenzjoni u restawr li d-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex beħsiebu jwettaq fiċ-Ċittadella fix-xhur li ġejjin.

Ritratti: MGOZ

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com