Investiment F’Apparat Ta’ Assessjar Biex Persuna B’Diżabilità Tkun Tista’ Ssuq
Persuni b’diżabilità jew persuni li minħabba kundizzjoni medika għandhom diżabilità fiżika, issa jistgħu jagħmlu użu minn apparat ġdid fiċ-Ċentru Sonia Tanti Taqsima Ħajja Indipendenti (STILC) f’Ħal Far. Dan iċ-ċentru ta’ servizzi, immexxi minn Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalitá tal-Ħajja, joffri diversi servizzi li huma mmirati biex iżidu l-indipendenza ta’ persuni b’diżabilità u għalhekk l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà.
B’investiment ta’ €29,000, dan l-apparat ġdid – Driver Test Station – hu mistenni li jilħaq madwar 150 persuna fis-sena. Dan l-apparat se jkun qed jintuża minn diversi professjonisti fosthom occupational therapists, li jagħmlu testijiet ta’ assessjar speċjalizzat, sabiex dawn il-persuni jkun jista’ jinħarġilhom rapport li jispeċifika kif trid tkun mgħammra l-vettura tagħhom b’kalkulazzjonijiet preċiżi. Dan permezz ta’ tliet proċessi differenti li wieħed jgħaddi minnhom: inkluż assessjar fuq is-saħħa tal-individwu meta jiġi biex jikkontrolla l-vettura; il-ħin tar-reazzjoni; u kemm wieħed jieħu ħin biex jirrispondi għal sitwazzjoni u jieħu azzjoni dwarha waqt is-sewqan. Dawn l-aspetti fil-proċess ta’ assessjar issa huma possibbli permezz ta’ dan l-apparat teknoloġiku ġdid.
Is-servizz hu kumplimentat minn lezzjonijiet tas-sewqan fuq vettura modifikata, gwida fuq wieħed x’għandu bżonn jagħmel biex jimmodifika l-vettura tiegħu, kif ukoll skemi li joffru eżenzjoni jew sussidju fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi modifikati, kif ukoll fuq il-liċenzja tat-triq.
Waqt żjara fiċ-Ċentru Sonia Tanti Taqsima Ħajja Indipendenti, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli ddeskriviet id-Driver Test Station bħala wieħed li, “se jkun strumentali fil-mira tagħna li persuna b’diżabilità tkun tista’ tgħix ħajja indipendenti kemm jista’ jkun. F’dan il-każ se nkunu qegħdin ngħinu bl-aktar mod possibbli biex persuna b’diżabilità tkun tista’ ssuq vettura. Kull miżura li nieħdu b’risq l-indipendenza ta’ persuni b’diżabilità tkun tiswa’ mitqlu deheb għax tkun qed tgħin biex l-persuna b’diżabilità tħossha aktar inkluża u integrata fis-soċjetà.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Rose Sciberras, spjegat li l-aġenzija dejjem tħares ‘il quddiem sabiex tinvesti f’aktar faċilitajiet moderni u adattati li jżidu l-aċċessibilità u l-inklużjoni għal persuni b’diżabilità. Dan l-apparat ġdid hu parti minn programm imħejji għall-iżvilupp tas-servizzi mogħtijin minn STILC, li jinkludu wkoll taħriġ speċjalizzat għall-professjonisti fuq l-użu ta’ din id- Driver Test Station kif ukoll aktar investiment permezz tat-tkabbir tal-post fix-xhur li ġejjin sabiex jakkomoda aħjar il-bżonnijiet tal-persuni li jagħmlu użu mid-diversi servizzi mogħtijin minn dan iċ-ċentru.
Is-simulazzjoni ta’ din id-Driver Test Station saret mis-Sur Colin Barlow, li hu klijent ta’ Aġenzija Sapport.