Ir-Relikwja Tal-Kranju Ta’ San Duminku F’Malta Nhar Is-Sibt Li Ġej

 Ir-Relikwja Tal-Kranju Ta’ San Duminku F’Malta Nhar Is-Sibt Li Ġej

Sabiex ifakkru t-8 ċentinarju mill-mewt tal-Patrijarka San Duminku, l-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu ħasbu li jġibu Malta r-relikwja tal-kranju ta’ San Duminku li tinżamm ġewwa l-Monasteru tas-Sorijiet Dumnikani ta’ Monte Mario f’Ruma.

Ir-relikwja ħa tkun qed tasal f’Malta nhar is-Sibt 21 t’Awwissu 2021, fil-11:30am fejn ħa tibqa’ sejra għall-Kunvent tal-Lunzjata tal-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu. Filgħaxija imbagħad se ssir quddiesa kantata fis-6:15pm immexxija mill-Kan. Dun Marc Andre Camilleri, kappillan ta’ Raħal Ġdid u Rettur tal-Bażilika ta’ Kristu Re. Wara fis-7pm tibda Traslazzjoni Solenni bir-relikwja ta’ San Duminku, u wara jsir il-kant tal-Antifona, tingħad it-Talba tal-Għasar Solenni, u tingħata l-Barka Sagramentali.

Din iċ-ċelebrazzjoni ħa tkun qed timmarka l-ftuħ ta’ ġimgħa festi solenni fil-Birgu f’ġieħ San Duminku, li jilħqu l-qofol tagħhom bejn it-28 u 29 t’Awwissu 2021 biċ-ċelebrazzjonijiet f’dawk il-jumejn ikunu mmexxija mill-Kardinal Michael L. Fitzgerald M. Afr. li ġie mistieden għal din l-okkażjoni.

Kulħadd huwa mistieden jingħaqad mad-Dumnikani tal-Birgu għal din l-okkażjoni unika ta’ ferħ għalihom u għall-Provinċja Dumnikana Maltija kollha.

Aktar tagħrif dwar il-programm jista’ jinkiseb minn www.opbirgu.org/programm.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com