Is-Soċjetà Tal-Banda Tal-Imġarr Se Jkollha L-Ewwel Każin Tagħha

 Is-Soċjetà Tal-Banda Tal-Imġarr Se Jkollha L-Ewwel Każin Tagħha

Wara żmien ta’ stennija, is-Soċjetà tal-Banda tal-Imġarr se jkollha l-ewwel każin tagħha. Waqt żjara fis-Soċjeta Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li x-xogħlijiet kollha neċessarji fuq dan il-proġett se jsiru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

“Illum hija ġurnata ferm importanti li ċert li se tferraħ kemm membri ta’ din l-għaqda kif ukoll lil bosta residenti mill-Imġarr li għal żmien twil urew ix-xewqa li jkollhom il-każin tagħhom. Spazji bħal dawn huma tant għal qalbna għaliex l-għan prinċipali tagħhom hu li jxerrdu l-kultura permezz tal-arti mużikali u li jieħdu sehem fil-festi reliġjużi u soċjali. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fi ħdan il-ministeru tiegħi, qed jagħmel bosta xogħol siewi madwar pajjiżna u qed ikun ta’ servizz sabiex spazji bħall-każini u oħrajn jinżammu fl-aqwa kundizzjoni u jingħataw lill-komunitajiet bl-aqwa sigurtà possibbli”, qal il-Ministru Ian Borg.

Fiż-żmien li għadda, binja li qabel kienet tal-Water Services Corporation ġiet mgħotija b’kera lis-Soċjetà tal-Banda u ftit tas-snin ilu sar permess sabiex din il-binja li kienet sservi ta’ pumping station tal-ilma issa ssir każin tal-banda.

Ricentament beda l-proċess biex l-applikazzjoni terġa’ tiġi evalwata bi pjanti ġodda li se jkunu jinkludu bar u kċina, sala għall-komunità, klassijiet għat-tagħlim tal-mużika, maħżen tal-festa, kif ukoll se jsir tisbiħ tal-ispazju tal-madwar permezz ta’ landscaping ġdid.

Ix-xogħol mistenni jibda fl-aħħar ta’ din is-sena u se jkun jinkludi xogħol ta’ kostruzzjoni, installazzjoni ta’ servizzi tal-elettriku u plumbing, installazzjoni ta’ lift, xogħol ta’ finishing, u xogħol ta’ aperturi u suffetti, fost oħrajn.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com