Isir Rinovar Fuq Il-Binja Tad-Domus Ta’ Ħad-Dingli

 Isir Rinovar Fuq Il-Binja Tad-Domus Ta’ Ħad-Dingli

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq xogħlijiet fuq id-Domus ta’ Ħad-Dingli, xogħlijiet li ġew inawgurati mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg.

Ix-xogħlijiet fuq id-Domus kienu jinkludu tiswijiet tas-soqfa u l-ħitan, tikħil, tibdil ta’ travi u xorok għal aktar sigurtà, tibdil ta’ parti mill-kontrabejt, pavimentar ġdid kemm ta’ ġewwa kif ukoll ta’ barra, sistema ġdida ta’ dawl, tibdil tal-faċilitajiet sanitarji u tal-aperturi kollha u restawr tal-bieb ta’ barra u tar-rixtellu. Max-xogħol inħass il-bżonn, li jsiru erba’ niċeċ ġodda tal-injam biex jikkumplimentaw l-istatwi, dan filwaqt li kien deċiż ukoll li jsir intervent fit-tromba tat-taraġ bħala preparazzjoni għall-installazzjoni tal-lift.

Id-Domus jeħodna lura sal-1919, meta Kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Pawl Azzopardi, kien iddeċieda li jibni din l-binja għall-użu tal-parroċċa. Matul iż-żmien, dan il-bini serva ta’ sede għall- produzzjonijiet ta’ drammi u teatrini, kien l-ewwel post tad-duttrina għas-Soċjetà tal-Mużew, serva ta’ victory kitchen matul iż-żmien tat-Tieni Gwerra Dinjija kif ukoll serva ta’ post għall-armar tal-festa.

 

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com