Jinħatru 33 Kuntistabbli Tal-Pulizija Ta’ Riserva
33 pulizija – 23 raġel u 10 nisa – li rtiraw mill-Korp tal-Puilizija wara 25 sena servizz jew aktar, ingħataw l-opportunità li jibqgħu jservu fil-korp bħala Kuntistabbli ta’ Riserva. Dawn il-pulizija ngħataw il-ġurament tal-ħatra waqt ċerimonja li saret dalgħodu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, li għaliha attendew il-Kmandant tal-Akkademja tal-Forzi Dixxipplinati s-Sur Joe Cachia, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Dr Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà.
Għall-ewwel darba, dawn il-Kuntistabbli ta’ Riserva ngħataw taħriġ apposta fl-Akkademja tal-Forzi Dixxipplinati f’Ta’ Kandja, u kien jinkludi fost oħrajn l-użu tal-armi tan-nar; proċeduri ta’ kontroll u trażżin; is-saħħa mentali; informazzjoni dwar il-liġijiet ta’ Malta; kif ukoll tagħrif dwar il-Pulizija tal-Komunità, vjolenza abbażi ta’ sess, kif ukoll kif għandhom jgħinu lill-vittmi tal-kriminalità u kors fl-ewwel għajnuna.
F’kelmtejn tal-okkażżjoni, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Dr Byron Camilleri qal kif matul dawn l-aħħar xhur saru diversi riformi biex il-Korp tal-Pulizija jkun aktar modern u qrib iċ-ċittadin. “Intom qegħdin hawn illum għax mhux biss tħobbu l-Korp tal-Pulizija iżda fuq kollox lil pajjiżkom. Wara li tajtu s-servizz tagħkom fil-passat, illum erġajtu sirtu parti mill-Korp u għalhekk nappellalkom biex tużaw l-esperjenza tagħkom għal ġid tal-oħrajn,” spjega l-Ministru Camilleri.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà qal li l-Korp tal-Pulizija permezz tal-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni u l-Kodiċi ta’ Etika, jagħmel enfasi fuq il-professjonalità u għalhekk ħaseb biex lil dawn il-Kuntistabbli ta’ Riserva jingħataw taħriġ qabel l-ingaġġ. “Irridu niksbu l-fiduċja tan-nies u din tinkiseb biss jekk naħdmu għaliha u għalhekk il-ħtieġa li nissieħbu aktar mal-komunità. Il-Kummissarju rringrazzja lil dawn il-Kuntistabbli tar-Riserva, li minkejja li uħud minnhom anke telqu żmien ilu, għażlu li jirritornaw u tenna li dan juri li “once a police officer, always a police officer”.