Jitħabbar Proġett Ta’ Riġenerazzjoni Fil-Kalkara B’Investiment Ta’ €1 Miljun
Ġnien ir-Rnella, l-eks ċimiterju militari fil-Kalkara, se jiġi riġenerat fi spazju miftuħ għat-tgawdija tal-pubbliku b’investiment ta’ €1 miljun. B’teknoloġija innovattiva ta’ solar paving, smart benches u solar smart bins, il-ġnien se jkun wieħed li jirrispetta l-ambjent mingħajr emissjonijiet biex jopera.
Il-proġett tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana.
Ġnien ir-Rnella se jiġi riġenerat biex joffri spazju miftuħ filwaqt li jassigura l-protezzjoni tal-wirt arkitettoniku li joffri. Ġew irrestawrati erba’ ġibjuni biex l-ilma tax-xita maħżun jintuża għat-tisqija tal-ġnien.
L-użu ta’ strutturi li jaħdmu b’enerġija nadifa u smart technology jagħmlu minn dan il-ġnien wieħed carbon neutral u jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli. Permezz ta’ kontenituri tal-iskart li huma smart, se tkun qed tintbagħat notifika meta l-kontenituri jimtlew. Is-sistema ta’ irrigazzjoni se titħaddem minn enerġija mix-xemx grazzi għall-pannelli solari li se jkunu installati fuq il-pavimentar. Din is-sistema se tiġġenera biżżejjed enerġija biex tagħmel tajjeb għall-konsum tal-elettriku f’dan il-ġnien. Għalhekk, dan il-ġnien se jkun sostenibbli.
“Dan il-proġett iservi ta’ eżempju għal bosta spazji miftuħa oħra. Filwaqt li qed nagħtu spazju ieħor miftuħ lill-familji u lir-residenti, qed naraw li l-avvanzi fit-teknoloġija jkunu utilizzati biex noperaw b’mod sostenibbli. Bi proġett wieħed qed naraw impenn lejn il-konservazzjoni tal-ilma, l-użu tal-enerġija rinnovabbli biex jitħaddem id-dawl u ż-żamma tal-indafa qed tingħata prijorità,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Clyde Caruana qal li, “Minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, fil-baġit li ġej se nara li nallokaw biżżejjed fondi sabiex inkomplu nsebbħu pajjiżna u fuq kollox nagħtu aktar spazji miftuħa lill-familji Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru Caruana qal li ċ-ċittadini tan-Nofsinhar ta’ pajjiżna jikkontribwixxu ħafna ekonomikament u għaldaqstant il-gvern se jibqa’ jara li jkompli jinvesti f’dawn l-inħawi wkoll sabiex ħajjet tal-familji tkompli titjieb. Fil-baġit li ġej, it-tisbiħ f’pajjiżna se jingħata prijorità u għaldaqstant se jitħabbru sensiela ta’ proġetti għar-rikreazzjoni tal-familji.
Ir-riġenerazzjoni ta’ dan il-proġett ħadet ħsieb tirrispetta l-wirt arkitettoniku u x-xogħlijiet qed isiru b’reqqa kbira. Il-proġett hu mistenni li jitlesta sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla hekk kif ġew aġġudikati x-xogħlijiet wara sejħa pubblika.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Anthony Gatt, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta kif ukoll il-Kunsill Lokali tal-Kalkara, immexxija mis-Sindku Wayne Aquilina.
Ritratti: DOI