Jitqassmu Madwar €14.2 Miljun F’Għajnuna Fl-2020 Mill-MCCF
Fl-2020 The Malta Community Chest Fund Foundation (il-MCCFF) qassmet €14,198,208 f’għajnuna lil nies fil-bżonn filwaqt li naqqset l-ispejjeż amministrattivi tagħha bi kważi €200,000. Dan intqal fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-President ta’ Malta.
Intqal ukoll li fl-istess perjodu, prinċipalment minħabba l-effetti tal-pandemija tal-Covid-19, esperjenzat tnaqqis ta’ ftit aktar minn miljun ewro fil-kontribuzzjonijiet totali miġburin mill-attivitajiet. Dan jirriżulta mir-rapport finanzjarju għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2020, li ġie ppreżentat waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Fondazzjoni li tlaqqgħet fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Meta indirizza l-laqgħa, il-President ta’ Malta George Vella fakkar li l-ispiża tal-Fondazzjoni fuq il-mediċini għall-onkoloġija sparat ’il fuq minn inqas minn miljun ewro fl-2015 għal madwar €8 miljun tliet snin wara, għal aktar minn €14-il miljun is-sena l-oħra. Fakkar li dawn il-flus imorru għal mediċini li jippermettu li persuni li għandhom kanċer jgħixu aktar, u li bil-vokazzjoni li għandha l-MCCFF trid tara kif tagħmel biex tippermettilhom li jakkwistawhom.
Dawn jinkludi każijiet ta’ trattamenti li jiswew ’il fuq minn €120,000 għal persuna waħda f’sena. Il-President iżża ħajr lil dawk l-individwi u n-negozji li, minkejja l-għafsa tal-pandemija, baqgħu isostnu lill-Fondazzjoni fil-ħidma karitattiva tagħha f’perjodu fejn bosta attivitajiet u inizjattivi li minnhom kienu jinġabru fondi importanti kellhom jitħassru jew isiru fuq skala iżgħar. Dawn qed jikkontribwixxu biex jgħinu nies li ma jafux min huma; kunċett ta’ karità anonima bl-għarfien li l-flus se jitqassmu tajjeb, b’mod ġust, u bi trasparenza. Huwa rringrazzja wkoll lill-gvern talli, meta l-ġenerozità tal-poplu ma tkunx biżżejjed biex jiġu koperti l-ispejjeż kollha, jgħin biex jiġu bbilanċjati l-kontijiet. Kellu wkoll kliem ta’ ringrazzjament għaċ-Chairperson u l-membri tal-Bord tal- Amministraturi tal-MCCFF, kif ukoll għall-istaff kollu.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Bord tal-Amministraturi tal-MCCFF, Marlene Mizzi, tkellmet dwar il-ħidma, l-isforz, u l-livell tal-appoġġ li l-Fondazzjoni tagħti lis-soċjetà. Fakkret li l-MCCFF toħroġ medja ta’ €1.2 miljun fix-xahar f’għajnuna lil individwi u familji, fosthom billi tiffinanzja 40 tip differenti ta’ trattamenti tal-kimoterapija. Il-vawċers tal-ikel jiswew lill-Fondazzjoni kważi €20,000 fix-xahar – dawn jingħataw lil familji, normalment bit-tfal, li ma jkollhomx biex jixtru l-ikel bażiku u affarijiet oħrajn li jippermettulhom jgħixu ħajja diċenti. L-MCCFF tiffinanzja wkoll lil ġenituri ta’ tfal, jew qraba ta’ persuni, li jkunu qed jirċievu t-trattament barra minn Malta u li, għal xi raġuni, ma jkunux jistgħu joqogħdu waħedhom. Il-Fondazzjoni tħallas it-titjriet kif ukoll l-allowances għall-ikel u t-trasport ta’ kuljum. Matul l-2020 il-Fondazzjoni ħallset il-biljett tal-ajru għal aktar minn 50 persuna u ffinanzjat aktar minn 660 lejl f’lukandi. B’kollox, matul l-2020, ġew approvati aktar minn 1,555 applikazzjoni li permezz tagħhom ġew megħjunin aktar minn 2,500 ruħ. Kien hemm ukoll 227 applikazzjoni minn nies b’diżabbiltà li wkoll ngħataw l-għajnuna.
L-Uffiċjal Finanzjarju Ewlieni tal-MCCFF, Mark Mizzi, irrimarka li, minkejja li l-2020 ġabet magħha sfidi ġodda minħabba l-effetti tal-pandemija, il-Fondazzjoni ħadmet bil-għaqal biex setgħet taċċetta talbiet għall-għajnuna mingħand dawk l-aktar fil-bżonn. Fl-istess waqt, sar sforz biex il-Fondazzjoni tibqa’ f’qagħda finanzjarja f’saħħitha bi preparazzjoni għall-eventwalità ta’ diffikultajiet temporanji fil-ġbir tal-fondi matul l-2021 minħabba restrizzjonijiet imposti fi sforz biex tiġi miġġielda l-pandemija.
Waqt il-laqgħa ġie ppreżentat ukoll ir-Rapport tal-Awditur minn Claude Ellul, partner fid-ditta KPMG.
Ir-rapport annwali għall-2020 ġie awditjat minn KPMG, jista’ jiġi aċċessat mis-sit eletrtroniku tal-MCCFF:
https://www.mccff.org.mt/wp-content/uploads/2017/03/MCCF_ANNUAL-REPORT_03082021.pdf