Joe Biden Determinat Li Jirtira T-Truppi Amerikani Mill-Afganistan Nhar It-Tlieta Li Ġej

 Joe Biden Determinat Li Jirtira T-Truppi Amerikani Mill-Afganistan Nhar It-Tlieta Li Ġej

Il-President Amerikan Joe Biden waqt konferenza qal li qed jirrifjuta t-talba ta’ diversi pajjiżi biex iżommu t-truppi Amerikani fl-Afganistan sabiex l-evakwazzjonijiet jkomplu lil hinn mill-aħħar tax-xahar kif miftiehma mat-Taliban, filwaqt li qal li t-theddida ta’ attakk terroristiku dejjem qed tikber.

B’din id-deċiżjoni l-Amerika qed tkun ikkritikata bil-bosta li qed tabbanduna lil poplu Afgan u tħallih f’idejn it-Taliban, il-President tal-Istati Uniti għamilha ċara li huwa riżolt li jirtira l-forzi mill-ajruport ta’ Kabul nhar it-Tlieta li ġej.

“Bħalissa ninsabu mixjin b’pass tajjeb biex nlestu l-evakwazzjonijiet sal-31 ta’ Awwissu,” qal Biden fil-White House ilbieraħ. “Aktar ma nkunu nistgħu nispiċċaw malajr, aktar aħjar. Kull jum ieħor iġib miegħu riskju miżjud għat-truppi tagħna.”

Il-President Joe Biden qal li din l-evakwazzjoni kienet waħda mill-akbar fl-istorja. Huwa kompla jgħid li r-ritmu ta’ evakwazzjoni tan-nies tiddependi fuq it-Taliban, li jkompli jikkoopera u jippermetti aċċess għall-ajruport mingħajr tfixkil.

Biden talab ukoll lill-Pentagon u lid-Dipartiment tal-Istat għal “pjanijiet ta’ kontinġenza biex jaġġustaw l-iskeda jekk dan ikun meħtieġ”.

Huwa kompla “Jien determinat li niżgura li nlestu l-missjoni tagħna, din il-missjoni. Ninsab konxju wkoll tar-riskji dejjem jiżdiedu li ġejt infurmat dwarhom u l-ħtieġa li nqis dawk ir-riskji.”

Ritratt: dailyadvent.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com