L-Istilel Tal-Futur Tal-Atletika Maltija Jibbrillaw Fil-Kampjonati taż-Żgħażagħ
L-Istadium tal-Marsa fetaħ il-bibien tiegħu għall-kategoriji taż-żgħażagħ bl-organizzazzjoni tal-Kampjonati Nazzjonali. Minkejja s-sħana, saru xejn anqas minn 60 avveniment li fihom ħadu sehem 156 atleta minn 14-il klabb, inkluż tnejn minn Għawdex. Għall-iżgħar membri, dawk ta’ taħt l-10 snin, kienet l-ewwel darba li esperjenzaw kompetizzjoni tat-track and field.
Matthew Galea Soler (La Salle) seraq ix-xena fost l-U/16s, fejn ħareġ rebbieħ f’xejn inqas minn ħames avvenimenti, il-100m, 200m, 400m (b’Championship Record), it-800m u kien party mit-tim tar-relay tal-4x100m. Kay Testa ta’ Pembroke Athleta kellha dan l-istess suċċess fost it-tfajliet, fejn mhux biss rebħet il-100m, 200m, 400m u l-long jump, iżda kienet parti wkoll mit-tim tal-4x100m.
Fid-distanzi itwal, Julian Zarb, prospett mill-aqwa tal-atletika Maltija, rebaħ tliet unuri, fl-1500 metru, it-3000 metru, u l-1500m steeplechase (b’championship record ġdid). Fil-qasam tal-field, riżultat importanti għal Yan Vella ta’ Pembroke b’qabża ta’ 5.60m fil-long jump.
Fost l-Under 14s, ġurnata tad-deheb għal Luca Ġerada (Kulleġġ San Nikola) li rebaħ il-100 metru f’ħin ta’ 12.56s, it-300m, il-hammer throw, il-javelin u kiser record tal-età tiegħu fix-shot put, filwaqt li fl-avvenimenti l-oħra kollha kiser iċ-championship record relattiv. Thea Parnis Colerio (Rush) rebħet l-isprints tal-100m u t-300m, eċċellat fil-long jump u kienet parti mit-tim rebbieħ tal-4x100m team.
Chanelle Bezzina, bint l-atleta nazzjonali Lisa Bezzina, rebħet is-600m bl-aqwa ħin personali tagħha, filwaqt li fl-1200m daħlet it-tieni wara sprint emozzjonanti ma’ Thea Grech (La Salle). Alessandro Desira kiseb id-deheb fid-distanzi t-twal, b’prestazzjoni b’saħħitha mill-bidu sal-aħħar fis-600m u l-1200m. Fil-javelin u d-discus femminili, Hailey Ballucci ta’ Athletix ħarġet rebbieħa, filwaqt li Bianca Shoemake ħadet l-unuri fil-hammer u x-shot, b’championship records ġodda fil-proċess.
Fil-kategorija tal-Under 12s, Luigi Spina (Skola San Anton) rebaġ kemm il-long jump kif ukoll is-60m b’prestazzjoni b’saħħitha. Liam Daley (Shamrock Stars) rebaħ is-600m. Andre Gauci (Pembroke) rebaħ il-ball throw b’5m vantaġġ. Kristina Azzopardi (Pembroke) rebħet is-60m, segwita mill-qrib minn Martina Gouder (Skola San Anton) kif ukoll il-long jump u t-300m. Amy Attard (Athletix) rebħet il-ball throw fost it-tfajliet.
Ritratt: Melanie Charles