L-Istudenti Ta’ Skolasajf Jagħmlu Festa Fl-Iskola Tal-Imqabba
Dalgħodu l-istudenti li jattendu fiċ-ċentru ta’ Skolasajf tal-Imqabba, kellhom atmosfera differenti li laqgħethom fil-bini tal-Iskola Primarja tal-Imqabba. Fl-eqqel tas-Sajf, meta l-festi ma ġewx iċċelebrati bħas-soltu, il-festa kienet organizzata għat-tfal mill-amministrazzjoni ta’ Skolasajf tal-Imqabba. Kienet okkażjoni biex mhux biss it-tfal jiġu mgħallma dwar avveniment kulturali sinonimu mal-gżejjer Maltin, imma biex ukoll jitgħallmu japprezzaw ix-xogħol u l-aspett kulturali tal-festi, ’l bogħod mill-piki li xi daqqiet itappnu r-reputazzjoni ferriħija tal-festi Maltin u Għawdxin.
Tkellimna mal-amministrazzjoni tal-iskola fejn qalulna li l-istaff ħadem pavaljuni tal-karti li żejnu l-kurituri tal-iskola. L-istudenti kienu mħeġġa jilbsu l-flokkijiet tal-festa favorita tagħhom u bosta mill-istudenti għamlu dan. Fl-ewwel parti tal-ġurnata, kull klassi ħadmet fuq kompetizzjoni fejn kellhom jiddekoraw T-Shirt. Hawnhekk l-istudenti, minbarra li kellhom lok fejn jesprimu l-kreattività, setgħu jħaddmu ħiliet bħal team work.
Aktar tard, fil-bitħa tal-iskola kien organizzat il-marċ. Il-bitħa kienet dekorata b’mod festiv u fuq ġenb, wieħed seta’ jara wkoll statwa mdaqqsa tal-Madonna biex tfakkar iċ-ċentru taċ-ċelebrazzjoni.
Matul din il-ġurnata t-tfal setgħu wkoll iduqu l-ġelat ‘Ta’ Skutu’ li huwa sinonimu mal-festi tal-madwar. Għal din l-okkażjoni, Skutu prepara ġelati tas-soya, biex anke tfal li għandhom intolleranza għall-ħalib setgħu jkomplu jiċċelebraw ma’ sħabhom.
Fl-aħħar parti tal-ġurnata kien organizzat logħob tradizzjonali f’kull klassi biex l-istudenti ma jinsewx it-tradizzjonijiet Maltin filwaqt li jiddevertu. It-tfal ingħataw ċuqlajta bħala tifkira ta’ dan il-jum differenti mis-soltu.
Skolasajf hija organizzata mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi u tintemm fit-3 ta’ Settembru 2021.