L-MEIA Diżappuntata Li Ma’ Ingħatawx Permess Għal Attivitajiet B’Udjenza Bil-Wieqfa
F’reazzjoni dwar dak li tħabbar fil-konferenza tal-lum mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, l- Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) qalet li qed tilqa’ d-deċiżjoni li jiżdiedu n-nies fl-avvenimenti bilqegħda għal 300 mis-16 ta’ Awwissu u għal 500 mit-30 ta’ Awwissu.
Madankollu, l-assoċjazzjoni qalet li hija diżappuntata li tinnota li l-Awtoritajiet ma tawx il-permess biex jerġgħu jibdew jsiru l-avvenimenti b’udjenza bilwieqfa, b’mod gradwali. Din il-proposta hija wkoll parti mill-pjan ta’ ftuħ mill-ġdid li qed tipproponi l-MEIA.
L-assoċjazzjoni qalet li l-attivitajiet b’udjenza bil-wieqfa għandhom jkunu distinti minn xulxin permezz tat-tip u l-għamla tagħhom. Jista’ jkollok attività żgħira ta’ 50 ruħ u jista’ jkollok attività kbira bħal kunċert li jospita eluf ta’ nies. L-MEIA saħqet li għandhom jibdew isiru attivitajiet żgħar b’riskju baxx li gradwalment jibdew jikbru għal dawk kbar fejn qalu li dawn diġà saru barra minn Malta u ġew ppruvati li rnexxew.
“Ninsabu mħassba li dawn ir-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet kontinwi biex nopperaw se jagħmluha aktar diffiċli għall-udjenzi biex jirritornaw ladarba l-attivitajiet jkunu permissibbli bil-kapaċità sħiħa.” Saħqet L-MEIA fl-istqarrija tagħha.
L-assoċjazzjoni qalet ukoll li dan huwa s-settur li spiċċa l-ħaruf tas-sagrifiċċju u huwa l-unika settur fejn biex topera trid tkun imlaqqam kompletament kemm jekk qed t’organizza, tieħu sehem jew tattendi.