Mara U Raġel Arrestati F’Inqas Minn 24 Siegħa Wara Serqa Fil-Gżira

 Mara U Raġel Arrestati F’Inqas Minn 24 Siegħa Wara Serqa Fil-Gżira

Ħidma konġunta bejn il-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Magguri u tar-Rapid Intervention Unit, wasslet biex f’inqas minn 24 siegħa wara li raġel ta’ 43 sena kien vittma ta’ serqa, ġew arrestati, mara ta’ 56 sena u raġel ta’ 46 sena, li allegatament wettqu s-serqa.

Il-każ seħħ nhar l-Erbgħa għal xi l-11am, fi Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa, il-Gżira. Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-vittma kien miexi fil-ġnien, meta avviċinawh żewġ persuni, waqfuh, heddewh u serquh.

Wara li ġew infurmati l-Pulizija, minnufih bdiet tfittxija għaż-żewġ persuni. Madwar siegħa biss wara, il-pulizija arrestaw lill-mara, fil-Gżira stess. It-tfittxijiet għar-raġel issoktaw u lbieraħ filgħodu, Kuntistabbli tal-Pulizija stazzjonat ir-Rapid Intervention Unit, fil-ħin li ma kienx xogħol, għaraf lir-raġel, li kien passiġġier f’vettura li kienet qiegħda tinsaq fil-Gżira. Fuq il-post indikat mill-kuntistabbli, intbagħtu mill-ewwel il-Pulizija tar-RIU li sabu l-vettura u ftit wara arrestaw lir-raġel.

Huma se jitressqu l-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Nadine Lia LL.D.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com