Numru Ta’ Eks ‘Speakers’ Jinfurmaw Li Mhux Se Jattendu Għal Simpożju…

 Numru Ta’ Eks ‘Speakers’ Jinfurmaw Li Mhux Se Jattendu Għal Simpożju…

Fi stqarrija mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, intqal li b’dispjaċir jinnota li simpożju tal-ewwel tip tax-xorta tiegħu fejn eks speakers kienu se jiltaqgħu fis-Sala tal-Parlament bħala parti mill-attivitajiet li jfakkru l-mitt sena anniversarju tal-Parlament Malti, kellu jitħassar. Dan wara li kif ġie rapportat fil-media, numru ta’ speakers predeċessuri tiegħu informawh li ma kinux se jattendu.

L-Ispeaker Farrugia iħoss li din kienet okkażjoni unika li ntilfet għaliex skont l-istess programm ta’ din il-laqgħa dawn il-persuni distinti kienu se jiġu mistiedna biex jitkellmu kemm dwar l-esperjenza tagħhom matul il-perjodu li ppresedew il-Kamra, kif ukoll biex jagħtu l-veduti tagħhom dwar kif il-Parlament jista’ jimxi ‘l quddiem billi jindirizza aħjar l-aspettattivi tal-soċjetà tal-lum.

Biex il-messaġġ ta’ dawn il-persuni mimlija esperjenza jkun jista’ jasal għand il-pubbliku, kienu diġà saru l-arranġamenti kollha biex dan is-simpożju jixxandar b’mod dirett fuq TVM u l-istazzjon televiżiv tal-Parlament, u biex ikun aċċessibbli wkoll minn fuq is-sit uffiċjali tal-Parlament. Barra minn hekk, il-ħsieb kien li dak li jingħad jiġi traskritt u jinħareġ f’pubblikazzjoni għall-okkażjoni.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia jtemm l-istqarrija tiegħu billi jirrimarka li hija veru ħasra li filwaqt li din l-attività kienet se tittella’ biex tfakkar il-mitt sena mill-kisba tal-Kostituzzjoni Amery Milner u t-twaqqif tal-Parlament ta’ Malta meta l-forzi kollha ta’ dak iż-żmien ingħaqdu għal għan wieħed, f’din l-okkażjoni unika li kien ser joffri s-simpożju, twarrbet l-għaqda tant meħtiega.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com