Matthew Haynes Maħtur Bħala Direttur Tekniku u Head Coach ta’ Badminton Malta
Bħala parti mill-istrateġija ta’ tkabbir u investiment fl-isport, Badminton Malta għada kif appuntat lil Matthew Haynes bħala Head Coach il-ġdid tal-Akkademja kif ukoll direttur tekniku tal-Assoċjazzjoni. Dan huwa pass ieħor eċitanti biex il-badminton ikompli jsir sport iktar professjonali u ta’ suċċess. Wara il-parteċipazzjoni ta’ Matthew Abela fl-olimpjadi ta’ Tokyo, Badminton Malta qed tkompli taħdem bis-sħiħ biex il-livell ta’ Badminton f’Malta jkompli jitjieb. Dan it-tir issa se jkompli jissaħħaħ b’din iż-żieda ta’ Haynes bħala parti mill-istaff tekniku tal-assoċjazzjoni.
Haynes li kien ukoll konsulent għal Badminton Wales għandu esperjenza vasta fit-taħriġ ta’ livell għoli. Huwa kien Team Manager mat-tim ta Guernsey fil-Commonwealth Games fl-2018 u hu stress kien irrapreżenta lil Guernsey diversi drabi, fejn rebaħ id-deheb fit-Team Event kif ukoll il-bronż fil-Mixed Doubles f’żewġ Island Games. Hu beda’ jilgħab il-badminton meta kellu tlettax-il sena u ħadem ma’ diversi etajiet kif ukoll livelli differenti ta’ plejers u b’hekk ser ikun żieda eċċellenti fit-tim tekniku Malti u fl-Akkademja tal-Badminton.
Ritratt: Badminton Malta