Mill-Ħsieb Għal Fuq It-Tila – Jispjega L-Artist Manuel Farrugia
“Dak li ma jinbediex illum, qatt mhu se jkun mitmum għada”. Hekk kien kiteb il-famuż kittieb u filosfu Goethe. Sa mill-ewwel snin ta’ wara l-gwerra, il-Vittoriosani dejjem raw kif mhux biss jerġgħu jkunu magħqudin bħala komunità imma wkoll kif jiksbu lura dak li l-gwerra ġabet fix-xejn. Wara li fl-1954 kienet inawgurata l-koppla l-ġdida, għal ħafna snin il-ħolma tal-Vittoriosani kienet dik li din terġa’ tiġi mpittra u ddekorata kif jixraq.
L-Artist Manuel Farrugia qatt ma basar li kien se jpitter dik il-koppla li kien ikellmu dwarha s-sagristan Karmenu Scicluna żmien ilu. Il-Kanonku Stephen Attard avviċinah fl-istudio tiegħu u tah proposta. Farrugia qal li wara, kien ukoll avviċinat mill-Arċipriet il-Kanonku Carmelo Busuttil u wrieh ix-xewqa tiegħu u tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata.
“Aktar minn hekk kelli karta bajda fuqiex naħdem jiġifieri ingħatajt l-ispazju kollu biex noħloq abbozz kif xtaqt jien.”
Wara li aċċettajt il-Kapitlu tal-Kolleġġjata kien iltaqa’ sabiex jiddiskuti t-tema tal-pittura. Id-deċiżjoni kienet li tinżamm dik tal-Assedju l-Kbir li kien hemm fil-koppla l-antika u li sfortunatament intilfet fil-gwerra. Hawn bdiet il-fażi ta’ studju u riċerka sabiex Manuel Farrugia joħloq abbozz li mbagħad ikun jista’ jitressaq quddiem il- Kummissjoni Arti Sagra tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-abbozz kien ġie ppreżentat lill-komunità parrokkjali tal-Birgu, lejliet il-Milied tal-2018 u ntlaqa’ tajjeb ħafna minn kulħadd. Ftit wara fis-7 ta’ Jannar 2019 kien ġie ffirmat il-kuntratt tal-proġett fis-sagristija tal-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta.
L-Artist Manuel Farrugia jispjegaw kif il-proċess tal-pittura kien wieħed kumpless u delikat. L-ewwel riedet issir art soda bit-travi tal-ħadid u l-injam fil-gavda tal-koppla sabiex fuqha jitqiegħed l-armar u hekk ikun jista’ jibda jieħu l-qisien. Meta kellu l-qisien f’idejh seta’ jikkalkula l-proporzjonijiet tal-figuri li kien se npitter. F’’dan il-proċess wieħed irid iżomm f’moħħu li l-pittura se tkun qiegħda tidher minn taħt, għaldaqstant huwa importanti l-proporzjonijiet ikunu tajba sabiex min iħares lejha jara sewwa dak li hemm impitter.
Il-fażi tal-pittura ħadet diversi xhur biex saret. “Irrid ngħid li din kienet l-ewwel xogħol tiegħi f’koppla. Għalija kienet ta’ għajnuna kbira l-fatt li kont ħdimt fit-tond fuq l-apside li tinsab fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid”, tenna Farrugia. Tajjeb wieħed jgħid li l-koppla tal-Parroċċa tal-Birgu hija skutella sħiħa u mhux maqsuma fi flieli. Dan jagħmilha ta’ sfida akbar sabiex wieħed jagħmel episodju wieħed f’koppla sħiħa. Il-pittura ġiet imqassma f’diversi partijiet fuq biċċiet ta’ tila’ imdaqqsin.
“Waqt dan il-proċess, bħal sajjetta fil-bnazzi faqqgħet il-pandemija. Bla dubju ta’ xejn il-pandemija poġġiet quddiemi u quddiem dawk kollha li kienu qed jaħdmu fuq dan il-proġett limitazzjonijiet kbar, li għamlu x-xogħol tagħna ferm aktar diffiċli. Meta ġejna biex inwaħħlu l-pittura fis-saqaf tal-koppla kellna restrizzjonijiet saħansitra fuq kemm seta’ jkun hemm ħaddiema jaħdmu flimkien. F’dak il-kobor wieħed ma jistax jaħdem waħdu imma jeħtieġ numru ta’ nies li jikkoordinaw ix-xogħol flimkien. Kellna naħdmu kif stajna skont ir-restrizzjonijiet li talbu minna l-awtoritajiet tas-saħħa. Apparti minn hekk il-pandemija poġġiet fuqi problema akbar. Billi l-kuntatt bejn il-persuni kien tassew limitat ma stajtx nirrikorri għall-mudelli biex fuqhom inpitter il-personaġġi tal-pittura”, stqarr Manuel Farrugia.
________________________________________________________________________________
Minkejja li x-xogħol naqqas xi ftit fir-ritmu tiegħu però bl-għajnuna ta’ Alla u ta’ kulħadd komplejna kif stajna. Kurżità interessanti hija illi meta l-kaħħal kien qiegħed iħejji l-bażi li fuqha kienet se titwaħħal it-tila ġie nnotat taħżiż fuq il-ġebla li kien qiegħed jimmarka panew. Il-konklużjoni tagħna kienet li wisq probabbli xi ħadd żmien ilu kellu l-ħsieb li jiddekora l-koppla bid-differenza li l-pittura ma kellhiex tkun waħda sħiħa imma maqsuma fi flieli bħalma nsibu f’diversi knejjes fil-gżejjer tagħna. Kollox kien jindika li f’dak it-tentattiv id-dekorazzjoni kienet se tkun maqsuma fuq erba’ panewijiet. Naturalment il-pjan tagħna baqa’ dak li nimxu mal-arkitettura tal-koppla u nagħmlu pittura sħiħa skont l-abbozz u x-xogħol li diġà kien sar. L-ewwel xogħlijiet saru fil-parti tal-koppla msejjħa l-lanterna, hawn is-Sur. Joseph Micallef ħadem fuq l-iskultura magħmula bl-istukko. Fuq suġġeriment tal-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna mal-parti ta’ fuq tal-lanterna twaħħal ukoll l-occhio divino.
F’dan l-istadju jien ġejt mitlub nagħżel l-iskema tal-kuluri li biha kellha tkun iddekorata l-koppla. Tkellimt u kkolaborajt ħafna mal-induratur is-Sur. Roderick Busuttil li bla tlaqliq ngħid li għamel biċċa xogħol mill-aqwa f’dak li hu x-xogħol tal-induratura.
Meta tlesta x-xogħol fuq il-lanterna u sar it-tibjid meħtieġ, allura setgħet tibda titwaħħal t-tila fil-post. Hawn ix-xogħol beda joqgħod f’postu u l-biċċiet bdew jingħaqdu flimkien sabiex isiru pittura waħda. Ħafna mix-xogħol kellu jsir fuq il-post għax għalkemm inti jkollok parti sostanzjali minnha magħmula fl-istudjow, finalment ikun għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir fil-post.
Permezz ta’ din il-kitba xtaqt naqsam magħkom ukoll ftit ħsibijiet dwar il-kompożizzjoni u t-teknika użata f’din il-pittura. Qabel xejn nibda biex ngħid li din il-pittura hija magħmula minn żejt fuq it-tila. It-teknika użata hija monoflage fejn it-tila tiġi nkollata mas-saqaf. Għalkemm is-suġġett tal-pittura hu l-istess bħal dak li kien hemm qabel, il-kompożizzjoni hija kompletament differenti mill-pittura ta’ Carlo Ignazio Cortis. Meta wieħed jagħmel pittura fi knisja nemmen li l-pittur għandu joqgħod attent għall-istil tal-knisja u tal-pittura li diġà hemm fiha. Kien għalhekk li qgħadt ferm attent li filwaqt li nżomm l-istil tiegħi nara li
l-pittura li kont qed nagħmel, tiżżewweġ tajjeb mal-pittura li hemm diġà hemm fis-saqaf b’mod li tkun waħda kumplimentari.
Il-pittura hija maqsuma f’żewġ partijiet prinċipali fejn għandek il-parti sagra li fiha naraw il-Madonna mal-qaddisin fil-glorja u l-parti profana li tirrapreżenta ir-rebħa tal-assedju. Iċ-ċentru tal-pittura hija l-Madonna li fuq suġġeriment tal-E.T. Mons. Charles J. Scicluna ġiet imlibbsa bil-mand aħmar u l-libsa blu biex tkun bħal dik tal-Ikona tal-Madonna tad-Damaxxena meqjuma fil-Birgu għal mijiet ta’ snin. Flimkien mal-Madonna naraw erba’ qaddisin. Ma stajtx ma ndaħħalx lil San Lawrenz Martri patrun ta’ din il-parroċċa bis-simboli tal-palma u l-gradilja u lil San Ġwann il-Battista, il-qaddis patrun tal-Ordni tal-Kavallieri.
Naħseb ta’ minn ifakkar li fil-pittura preċedenti San Lawrenz ukoll kien jidher flimkien ma’ San Ġwann Battista u l-Verġni Marija. Jien għażilt li ndaħħal ukoll lil San Pawl bħala missiernafil-fidi, kif ukoll lill-Santa Katerina tal-Lixandra. Lil din il-qaddisa inkludejtha mhux biss għad-devozzjoni li l-arċipriet għandu lejha imma aktar minn hekk għall-fatt li fil-Birgu nsibu l-unika fratellanza ddedikata lilha. Lil Santa Katerina għamiltha f’poża regali fejn hija tidher tħares lejn l-udjenza sabiex bħal tistieden lil min qed jara l-pittura jipparteċipa fix-xena u jidħol fis-sacra conversazione li qed issir bejn il-qaddisin. Bħala ġest ta’ rikonoxximent lejn l-Arċipriet, il-Kan. Carmelo Busuttil, li hu l-benefattur tal-pittura, il-wiċċ ta’ Santa Katerina għamiltu fuq wiċċ oħtu li llum tinsab ħdejn il-Mulej.
Fix-xena tal-assedju iddeċidejt li npoġġi lill-Granmastru De Valette f’poża monumentali bi sfond tal-bandiera tal-ordni tperper warajh u dan għaliex ix-xena qed turi l-mument li fih ġiet iddikjarata r-rebħa. F’din ix-xena ridt nuri b’mod drammatiku l-aħħar batuti fil-kombattiment u għalhekk mal-art taħt il-Granmastru għamilt Tork mejjet bil-bandiera Ottomana mitluqa għal fuqu bħala simbolu tat-telfa. Wieħed jista’ jinnota wkoll is-sehem tal-Maltin jiġġieldu bl-għodda tar-raba’ u bit-tfigħ tal-ġebel waqt il-battalja. Qatt attent ħafna għall-vestwarju kif ukoll għall-armi li jidhru. F’biċċa xogħol bħal din importanti ħafna li wieħed jagħmelir-riċerka sabiex ikun fidil lejn l-istorja.
Dettall żgħir imma interessanti huwa l-art li fuqha qed issir il-battalja. Hemm inkludejt ix-xewk u l-ħaxix niexef biex nuri li l-assedju seħħ fl-għeqqel tal-istaġun sajfi. Meta ġejt biex inpitter il-kanuni għamilt differenza bejn dawk użati mill-Kavallieri u dawk tal-Ottomani. Fl-isfond inkludejt il-Forti Sant’Anġlu, li hu ikoniku mal-ġrajja tal-Assedju l-Kbir. Fuq is-swar tiegħu jidhru bosta arċieri jisparaw il-vleġeġ, filwaqt li naraw ukoll id-duħħan użat bħala sinjal. Inkludejt purċissjoni simbolika li turi s-salib u lanterni, flimkien mal-bandalora bi xbiha tal-Madonna li lejha rrikorrew missirijietna fit-talb tagħhom. F’din il-proċessjoni jidher il-Gran Prijur tal-ordni liebes bil-kappa u l-mitra, assistit minn wieħed mill-kappillani konventwali. Għamilt dan għaliex kien impossibbli ninkludi f’din il-pittura l-Knisja ta’ San Lawrenz bil-miġemgħa miġbura ġo fiha waqt il-kant tat-Te Deum tar-rebħa.
Il-kompożizzjoni għalkemm turi mument partikolari fl-istorja ta’ Malta għandha wkoll tifsira aktar profonda fejn ridt nuri kif it-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin. Dan hu simbolizzat mid-dawl li hu evidenti fuq in-naħa tal-qaddisin u l-kavallieri u dalma li tikkaraterizza n-naħa tal-Ottomani. Biex nenfasizza l-punt tal-intervent divin daħħalt numru ta’ anġli gwerriera bit-tarek u bix-xwabel taħt il-forma ta’ ilsna tan-nar f’idejhom.
Il-proġett tal-pittura tal-koppla min-naħa tiegħi lestejtu nhar it-Tlieta 2 ta’ Marzu 2021. Meta nħares lejn dil-pittura nħossni tassew sodisfatt li qed nagħti xi ħaġa li kienet mitlufa. Irodd ħajr lill-Mulej li ġejt magħżul sabiex bit-talent tiegħi erġajt raddejt lura xi ħaġa li kienet nieqsa u li għandha tagħmel lill-poplu Vittoriosa kburi.