Pierre Borg u Marie Claire Aquilina Jerbħu l-Kampjonat Nazzjonali Taċ-Ċikliżmu

 Pierre Borg u Marie Claire Aquilina Jerbħu l-Kampjonat Nazzjonali Taċ-Ċikliżmu

Il-Kampjonat Nazzjonali tar-Road organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu li sar riċentament fejn Pierre Borg ta’ Mosta AF Sing Studio kien iddikjarat bħala c-Champion Nazzjonali għall-ewwel darba biex il-klubb Mosti kiseb dan it-titlu wara nuqqas ta’ ħmistax il-sena. Minn naħa Feminili, Marie Claire Aquilina tat-Team tal-Greens żammet it-titlu ta’ Champion Nazzjonali. Dan il-Kampjonat kellu dominanza qawwija mill-Klubb ta’ Mosta AF Sing Studio fejn  rebħħames kampjonati.

Din is-sena 2021, minħabba l-problemi li ħolqot il-Pandemija u biex titħares saħħiet iċ-ċiklisti u l-membri, dan il-Kampjonat sar fuq tiġrija waħda minflok is-soliti tlieta, biex b’hekk setgħu joħorġu c-champions nazzjonali. Filfatt dan il-kampjonat minħabba l-istess raġunijiet ma kienx inżamm is-sena li għaddiet. It-tiġrija deċisiva tal-Kampjonat tar-Road saret nhar il-Ħadd 8 ta’ Awwissu 2021 fuq iċ-ċirkwit ta’ Ta’ Xħajma fil-limiti tan-Nadur, Għawdex. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja taċ-ċikliżmu f’pajjiżna li Kampjonat Nazzjonali kien deċiż b’tiġrija unika f’Għawdex.

Pierre Borg ta’ Mosta AF Sing Studio spiċċa c-Champion Nazzjonali għall-ewwel darba meta temm it-tnax il-dawra tiegħu ta’ 70Km fuq quddiem f’ħin ta’
1:39:59.48, fi sprint finali ma’ Etienne Bonello tat-Team Greens CC li spiċċa 0:00,41 sekonda warajh. Fit-tielet post daħal Mark Bonnici ta’ Agones SFC (1:40:03.80).

Fil-kategorija Feminili, dominju miċċiklisti tat-Team Greens fejn Marie Claire Aquilina spiċċat l-ewwel it-tmien dawriet f’ħin ta’ 1:11:44.76. Għaliha dan kien ir-raba’ titlu Nazzjonali tat-Triq. Aquilina b’hekk għamlet double din is-sena meta ġimgħat ilu kienet rebħet il-Kampjonat tat-Time Trial. Warajha spiċċaw rispettivament sħabha tal-istess tim, Danica Bonello Spiteri (1:13:06.58) u Michelle Vella Wood (1:14:01.38).

Mosta marru wkoll ħafna tajjeb fil-Kategorija tal-Masters. Fil-40+, Justin Gauci spiċċa quddiem żewġ ċiklisti ta’ The Cyclist meta temm fuq quddiem it-8 dawriet tiegħu f’ħin ta’ 1:06:48.12. Warajh daħlu Nicholas Schembri (1:06:48.36) u Antoine Sultana (1:06:48.63). Il-Kategorija Masters 50+ intrebħet minn Emmanuel Camilleri ta’ Mosta AF Sign Studio CC (1:18:48.54).                                                                                                               

Il-kategorija ta’ taħt it-23 sena ntrebħet minn Luke Borg ta’ The Cyclist għamel double din is-sena fejn wara li kien rebaħ il-Kampjonat tat-Time Trial, rebaħ ukoll dan il-Kampjonat tar-Road meta spiċċa l-ewwel fi sprint finali ma’ Stefan Scerri ta’ Gozo CC meta spiċċa l-għaxar dawriet fuq quddiem f’ħin ta’ 1:22:02.49, vantaġġ minimu ta’ 0:00,29 sekonda fuq l-Għawdxi Scerri. Brandon Sultana ta’ Gozo CC (1:29:40.39) spiċċa fit-tielet pożizjoni. Fil-Kategorija tal-Juniors anke Daniel Schembri ta’ Mosta AF Sign Studio għamel double fejn wara r-rebħ tal-Kampjonat tat-Time Trial, rebaħ ukoll dan il-Kampjonat meta spiċċa l-ewwel it-8 dawriet tiegħu biex ġie inkurunat bħala Juniors champion meta spiċċa l-ewwel f’ħin ta’ 1:06:34.36 quddiem Darren Sultana ta’ Gozo CC.                                           

Jeaken Galea ta’ Mosta AF Sign Studio, rebaħ il-Kategorija Maskili tal-Under 16 fejn temm l-erba’ dawriet tiegħu quddiem Lyan Muscat ta’ TriGozo u Miguel Galea ta’ The Cyclist. Ryan Gatt ta’ The Cyclist, rebah il-Kategorija Maskili tal-Under 14 fejn temm it-tliet laps quddiem Chylen Fava u Sven Cini, t-tnejn ta’ TriGozo. Il-Kategorija tat-Tfal Subien ta’ taħt it-tnax il-sena fuq distanza ta’ 2.5km kienet iddominat minn Liam Daly ta’ Shamrock Stars quddiem żewġ ċiklisti ta’ TriGozo, Giuseppe Borg u Aiden Muscat rispettivament. L-istess Kategorija tal-Bniet intrebħet minn Nina Debono Curmi, ukoll ta’  Shamrock Stars.

 

Ritratt: Alessio Sultana

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com