Popolin Mhux Se Jkompli – Postu Jieħdu Topik – Jipprezenta Quinton Scerri
“Fl-aħħar ħin irċevejt numru ta’ telefonati u għalhekk għażilt li nikteb dan il-post sabiex ma jkunx hemm interpretazzjonijiet ħżiena ta’ dak li qed jintqal.” Hekk kiteb Quinton Scerri fuq il-midja soċjali ftit tal-minuti ilu wara li aktar kmieni ħarġet l-aħbar dwar il-programm ta’ Mark Laurence Zammit.
Quinton kien ċar fil-messaġġ tiegħu u qal li minn Settembru li ġej ser jibda jippreżenta l-programm TOPIK b’ko-produzzjoni ma’ WE Media fuq TVM News+. Huwa qal li dan il-programm ta’ diskussjoni ser jibda jixxandar l-Erbgħa u l-Ġimgħa filgħaxija.
“Fil-karriera tiegħi produċejt u preżentajt għadd ta’ programmi li kisbu udjenzi kbar u ġew apprezzati minn bosta. Ta’ dan ninsab grat għal kull min wera fiduċja fija.” Saħaq Quinton Scerri.
Huwa kompa jgħid li b’dispjaċir għalih il-programm Popolin mhux ser ikun qiegħed issir, anke jekk fl-aħħar skeda kiseb l-ogħla udjenzi fil-faxxa tiegħu. “Mhux l-interess tiegħi li nidħol f’kontroversji pubbliċi iżda qiegħed inħares ‘il quddiem lejn dan il-proġett interessanti.” Tenna Scerri.
Quinton qal li “TOPIK huwa proġett ġdid li mhu ser ikun qiegħed jieħu post ħadd. Inkluż Mark Laurence Zammit – Taqbel jew ma taqbilx mal-persuna, Mark għandu kapaċitajiet tajbin ħafna u li ftit fadal bħalhom fuq ix-xandir Malti.”
Huwa awgura lil Mark għall-futur mimli kisbiet fil-karriera ġurnalistika tiegħu.
“Fuq kollox j’Alla li TOPIK jintgħoġob mis-segwaċi Maltin u Għawdxin.” Ikkonkluda Quinton Scerri.