Proġett Biex Tiġi Massimizzata L-Kapaċità Attwali Tal-Landfill Tal-Għallis Mingħajr Ma Tittieħed Aktar Art
Proġett ġdid fil-landfill tal-Għallis se jara l-kapaċità tagħha massimizzata permezz ta’ espansjoni vertikali mingħajr ma tittieħed aktar art jew tiżdied l-impronta tal-landfill.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt żjara fuq ix-xogħlijiet li għaddejjin, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca.
Din l-espansjoni ser tinkludi teknika li mhix se tirrikjedi l-bini ta’ infrastruttura jew ta’ faċilitajiet ġodda biex b’hekk jiġi rispettat l-ambjent u tiżdied il-kapaċità filwaqt li tinżamm l-impronta oriġinali.
Din tikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ ħajt magħmul mill-istess skart li bħalissa qed jintrema fil-landfill. Dan il-ħajt se jkollu inklinazzjoni ta’ 70 grad minflok inklinazzjoni tipika tal-landfill ta’ 30 grad biex b’hekk il-kapaċità tal-landfill se tkun qed tiżdied bi 330,000m3, li hija 130 darba akbar minn pixxina ta’ daqs olimpiku.
Il-Ministru Farrugia qal li dan il-metodu se jtejjeb l-immaniġġjar tal-landfill bl-iskop li tkun tista’ tintuża għal iktar tul ta’ żmien biex Malta tkun tista’ tagħmel l-aħjar użu mill-ispazju attwali tagħha sakemm jinbena l-impjant tal-waste-to-energy.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega li dan il-proġett, b’arkitettura u b’inġinerija impressjonanti, li għandu wkoll disinn bi privattiva minħabba l-inklinazzjoni unika ta’ din listruttura, ħa jkun qed jiffranka l-ispazju fil-landfill. Ladarba jitlesta, il-ħajt se jkun twil madwar 667 metru u mibni minn 315,000 tunellata ta’ skart, l-ekwivalenti tal-ammont ta’ skart iġġenerat f’sena.
Ritratti: DOI