Programm Sportiv Iddisinjat Speċifikament Għall-Anzjani Fiċ-Ċentri Ta’ Matul Il-Jum Fil-Komunità
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li l-gvern jemmen fil-ħiliet tal-anzjani li jridu jibqgħu attivi. Għalhekk, se jkun qed joffri opportunitajiet ta’ attivitajiet sportivi lill-anzjani bħala mezz biex jibqgħu jgħixu stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha.
Il-Ministru qal dan fi tmiem l-iffirmar ta’ ftehim li sar bejn il-kumpanija SportsAdultz u d-Direttorat għal Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, li permezz tiegħu se jiġi offrut programm sportiv iddisinjat speċifikament għall-anzjani fiċ-ċentri ta’ matul il-jum fil-komunità.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-għan ta’ dan il-ftehim huwa li l-attivitajiet organizzati jgħinu lill-anzjani jibqgħu b’saħħithom, kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Dawn jgħinuhom ukoll inaqqsu l-istress kif ukoll itejbu l-kunfidenza fihom infushom u fil-kapaċitajiet tagħhom.
Il-Ministru Michael Farrugia spjega li l-programm jikkonsisti fi 12-il sessjoni li se jsiru darba fil-ġimgħa, b’total ta’ 36 sessjoni kull sena.
Dawn se jibdew minn Ottubru li ġej fi tliet ċentri ta’ matul il-jum, fiż-Żurrieq, Birkirkara u l-Mellieħa, u eventwalment se jinfirxu f’izjed lokalitajiet.
Matul il-programm ta’ 12-il ġimgħa, l-anzjani se jkollhom l-opportunità li jipprattikaw sitt tipi ta’ sports differenti, jiġifieri żewġ sessjonijiet għal kull sport. Is-sessjonijiet se jitmexxew minn kowċ kwalifikat flimkien ma’ assistent.
Ritratti: DOI