“Qatt Ma Bżajt Mill-Ġudizzju Tan-Nies U Qatt Ma Għidt Lil Xi Ħadd Biex Jagħlaq Ħalqu…” – Joseph Muscat
L-ex Prim Ministru Joseph Muscat ma’ jeskludix li għad jerġa’ jirritorna għall-politika.
Dan qalu waqt l-ewwel parti ta’ intervista mat-Times of Malta fejn Joseph Muscat tkellem għall-ewwel darba f’intervista wara bosta xhur ta’ silenzju.
Meta mistoqsi Joseph Muscat qal li ma jridx li jirritorna bħala Prim Ministru, għax qal li dan issa huwa kapitlu magħluq f’ħajtu. Huwa jeskludi pero’ li joħroġ għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Mistoqsi x’legat ħa jħalli warajh Joseph Muscat kien pront wieġeb li għadu kmieni wisq biex jgħid dan, “għandi 47 sena u naħseb li fadal ħafna aktar x’jintqal u x’isir”
Muscat meta mistoqsi dwar appelli li saru biex il-Partit Laburista jiddiżassoċja ruħu minn miegħu qal li huwa għad hemm ħafna nies li qed jappoġġjawh. Kompla jgħid li “filwaqt li oħrajn jistgħu jaqsmu fehmiet differenti, fl-aħħar ġimgħat rajt numru bla preċedent ta’ nies li jappoġġjaw lili. Fir-realtà, huwa irrilevanti. Għadni nħoss l-imħabba tal-poplu imma ma nistax inkejjel jekk għadnix popolari jew le … Hemm numru ta’ nies li għandhom id-dritt li jesprimu ruħhom u l-midja qed tippromwovi dik l-opinjoni. Dak li nista’ ngħid huwa li hemm ħafna appoġġ. Għamilt dak li kelli nagħmel, qatt ma bżajt mil-ġudizzju tan-nies u qatt ma għidt lil xi ħadd biex jagħlaq ħalqu. Nispera li jien għandi l-istess permess għal libertà li nesprimi ruħi.”
Dwar l-FATF Muscat qal li s-sitwazzjoni hija waħda maniġġabbli. Qal li hu jinsab infurmat li kien hemm pajjiżi bħall-Finlandja li ma tpoġġewx fil-lista l-griża tal-FATF għalkemm kien hemm rapporti dwar l-immaniġġjar ta’ ħasil ta’ flus u ffinanzjar tat-terroriżmu li kienu “ħafna agħar” minn dak ta’ Malta. Muscat ripetutament jipponta sebgħu lejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għal diversi problemi li qed jiffaċċja l-pajjiż u qal li l-PN naqas milli jsostni lill-gvern meta kienet meħtieġa l-għaqda nazzjonali.
“L-oppożizzjoni Laburista dak iż-żmien ma ħadmitx kontra l-interessi ta’ Malta. Illum il-ġurnata għandna oppożizzjoni li tinċita lin-nies kontra Malta,” qal Muscat.
Joseph Muscat semma illi meta kien hu Prim Ministru saret pressjoni biex il-Gvern ikun iktar iebes man-Nemea Bank, bank li kien instab li qed jopera b’ħafna rregolaritajiet. Direttur ta’ dan il-bank kien l-eks PM Lawrence Gonzi.
“Jiena kont mistoqsi kif mhux qed inkun iebes biżżejjed ma’ Gonzi u għaliex ma konniex iebsin biżżejjed mat-tifel ta’ Gonzi – li kellu rabtiet mal-mafja tal-gaming. Imma kburi li ma mexxejniex kontrih għax ma kellux ikun akkużat. Oħrajn staqsewni għaliex ma għidna xejn meta John Dalli tneħħa minn Kummissarju tal-UE.”
Huwa qal li kienu bagħtu għalih qabel rebaħ l-elezzjoni tal-2013 biex iżomm kwiet fuq ta’ Dalli għax inkella Malta kienet tbati u qal li kien għalhekk li ma qal xejn.
Rigward Robert Abela, Joseph Muscat kellu kliem ta’ tifħir għalkemm qal li huwa kompletament differenti minnu. Stqarr ukoll li appoġġja lil Abela waqt il-kampanja għat-tmexxija.