“Qed Iġġibuh Tossiku Wisq Dan Il-Pajjiż Bin-Nuqqas Ta’ Tolleranza Tagħkom” – Elton Zarb

 “Qed Iġġibuh Tossiku Wisq Dan Il-Pajjiż Bin-Nuqqas Ta’ Tolleranza Tagħkom” – Elton Zarb

“Għax għandi fehma politika u kont naqsamha hawn ġejt mhedded u mgħajjar anke personali.” Hekk għadu kemm kiteb Elton Zarb fuq il-mezzi soċjali tiegħu f’messaġġ twil li fih jgħid li mhux lest joqgħod għal tgħajjir, akkużi infondati u tgħajjir fuq il-familja min-nies b’moħħ vojt, “anzi saħansitra mburġat b’injoranza grassa.”

Elton Zarb qal li għaliex jikteb l-opinjoni tiegħu fuq dak li jkun għaddej fil-pajjiż qed isib nies li jippruvaw jagħlqulu ħalqu. Huwa qal li hu la qatt ma prova jwaqqaf lil ħadd milli jagħti l-opinjoni tiegħu għaliex fi kliemu dak huwa li jagħmel pajjiż b’saħħtu billi n-nies jiddiskutu fehmiet differenti u janalizzaw biex jiffurmaw opinjoni.

“Sfortunatament ġejt mgħajjar minn kollox min-nies li saħansitra jippriedkaw fuq il-libertà ta’ l-espressjoni u huma stess qed joħonquha. J’alla dal-poplu jsib fejqan għal din il-mentalità mnejka li għandu. Jien ħa nkompli ngħix ħajti mingħajr ma nħalli nies vojta u banali bħal dawn jimlewieli b’ mibegħda u negattività fil-konfront tiegħi u familti,” tenna Elton Zarb f’messaġġ imqanqal.

Fl-aħħar huwa qal li din is-sitwazzjoni ġabet nies bħalu li ma jistgħux jitkellmu u juru l-ħsibijiet ġenwini tagħhom fil-pubbliku. “L-ambjent fejn tgħix m’hux biss in-natura u s-siġar iżda wkoll il-ħsieb u l-mentalità ta’ min jgħix f’ dak il-post. QED IĠĠIBUH TOSSIKU WISQ DAN IL-PAJJIŻ BIN-NUQQAS TA’ TOLLERANZA TAGĦKOM!!!!!”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com