“Theddid Għad-Demokrazija Ewropea” – Il-PN

 “Theddid Għad-Demokrazija Ewropea” – Il-PN

“Il-Partit Nazzjonalista jrid juri t-tħassib u jesprimi l-kundanna sħiħa tiegħu għal dak li kompla jiżviluppa fil-Belarussja mmexxi mid-dittatorjat ta’ Aleander Lukashenko. Dak li qegħdin naraw huma atti mill-aktar gravi li huma theddida diretta għad-demokrazija Ewropea.”

Hekk saħqu fi stqarrija l-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Carm Mifsud Bonnici flimkien mas-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight

“Pajjiż li qiegħed joħnoq l-oppożizzjoni. Joqtol u jippersegwita d-dissidenti interni tiegħu. Issa qiegħed ukoll juża bħala għodda politika persuni innoċenti, immigranti rregolari sabiex jaqsmu l-fruntieri minnu għal żewġ stati membri fl-Unjoni Ewropeja l-Litwanja u l-Latvja,” hekk tenna l-PN dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar f’dak kollu li rajna f’dawn l-aħħar xhur b’dittatur li baqa’ fil-poter kontra l-volonta popolari.

Ifakkar li ftit ilu bagħat ajruplan militari biex jordna li titjira ċivili tal-kumpanija Ryan Air jitniżżel sabiex jiġi arrestat persuna prominenti fl-oppożizzjoni.

Ifakkar li ttieħdu passi legali foloz u maħluqa fil-qrati tal-pajjiż kontra żewġ membri prominenti tal-oppożizzjoni Maria Kolesknikova u Maxim Znak li “r-reat” tagħhom huwa dak li ma jaqblux mar-reġim.

Ifakkar ukoll li ftit jiem ilu nqatel Vitaly Shiskov persuna li kien qiegħed jgħin ċittadini jaħarbu minn dan l-istat awtoritarju.

Ifakkar f’dak li l-atleta olimpika Krystina Timanovskaya kellha tgħaddi minnu biex taħrab u titlob ażil.

Il-PN qed jisħaq li dan huwa aġir gravi u li hemm bżonn aktar miżuri urġenti u immedjati mid-dinja Ewropea sabiex dan l-abbuż flagranti għad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem jiġi kuntrastat.

Il-PN jtenni l-kundanna tiegħu filwaqt li jappella u jittama li dan kollu għandu jwassal sabiex tul dan ix-xahar l-istituzzjonijiet Ewropej jiċċaqilqu, jiġu mlaqqa’ l-organi neċessarji sabiex il-passi jittieħdu u fuq kollox jiġi assigurat li ebda stat membru ma jitħalla abbandunat waħdu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com