Żagħżugħ Ta’ 16-il Sena B’Ġrieħi Serji Wara Li Ħa Materjal Splussiv F’Idu F’Ħal Kirkop
Tliet ġuvintur ta’ 14, 15 u 16-il sena, sofrew xi ġrieħi meta xi materjal splussiv ħa n-nar.
Il-Każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-5pm, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kienu weġġgħu xi persuni fl-inħawi magħrufa tar-Ramlija, f’Ħal Kirkop.
It-tliet żagħżagħ ingħataw l-għajnuna minn tim mediku fuq il-post u ttieħedu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura fejn iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi serji. Iż-żewġ żagħżagħ ta’ 14 u 15-il sena kienu ċċertifikati li sofrew minn ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġie nfurmat l-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiaq li ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.