2,500 Test Fis-Sena Biex Tkun Żgurata Infrastruttura Ta’ Kwalità
Infrastructure Malta tagħmel aktar minn 2,500 test tekniku fis-sena, ekwivalenti għal madwar sitt testijiet kuljum, biex tiżgura infrastruttura ta’ kwalità kemm fuq livell ta’ toroq kif ukoll fuq livell marittimu, ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista waqt żjara f’wieħed mil-laboratorji tal-MCCAA fil-Mosta.
L-aġenzija Infrastructure Malta se tkun qed tappoġġa lill-MCCAA biex tadotta metodi u tagħmir ġdid ta’ ttestjar aktar preċiż u li ma joħloq l-ebda ħsara.
It-testijiet huma diversi u fosthom issir l-evalwazzjoni tas-saħħa tal-konkrit u tal-asfalt, il-prekawzjonijiet neċessarji sabiex jiġi evitat l-iskidjar fit-toroq kif ukoll ir-retroriflettività tas-sinjali tat-traffiku u kemm dawn ikunu viżibbli bil-lejl.
Il-Ministru Ian Borg sostna li din l-assigurazzjoni tal-kwalità hija essenzjali sabiex tiġi żgurata infrastruttura li titgawda kemm mill-ġenerazzjonijiet tal-lum kif ukoll minn dawk futuri. “Fejn ix-xogħol ma jkunx ta’ kwalità u allura dawn it-testijiet juru dan, qed naraw li jinqala’ u jerġa’ jsir sew għall-ispejjeż tal-kuntrattur konċernat. Dan huwa dak li titlob is-serjetà u hekk ser nibqgħu nagħmlu sabiex naċċertaw infrastruttura tal-ogħla kwalità.”
Medja ta’ 25% tat-testijiet imwettqa mill-aġenzija Infrastructure Malta jwasslu għal xogħlijiet ta’ rimedju jew għal tnaqqis fil-prezz. Fl-2020, l-aġenzija infurzat madwar €1.3 miljun fi tnaqqis fil-prezz għal xogħlijiet li ma laħqux l-istandards meħtieġa.
Il-Ministru Ian Borg semma li permezz ta’ dan l-appoġġ se tkompli tiżdied l-effiċjenza tal-proċessi ta’ ttestjar, se jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ rappurtar u se jkun qed jgħin sabiex xogħlijiet ta’ rimedju u azzjonijiet oħra relatati jsiru b’mod aktar mgħaġġel.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista qal li permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Istitut tal-Istandards u l-Metroloġija fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), u laboratorji lokali oħra, l-entità Infrastructure Malta tikkordina programm ta’ ttestjar rigoruż biex tiżgura li x-xogħlijiet tal-kuntratturi tagħha jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa. “F’dawn l-aħħar snin rajna xogħol kbir fil-qasam infrastrutturali, dan ifisser li dan il-laboratorju kellu aktar xogħol ta’ valutazzjoni u ta’ konformità”. Is-segretarju parlamentari faħħar il-kollaborazzjoni li teżisti bejn iż-żewġ entitajiet sabiex l-infrastruttura f’pajjiżna tkun konsistenti, ta’ kwalità u affidabbli.
Ritratti: DOI