Assistenza Legali Lil Bdiewa F’Riskju Ta’ Evizzjoni Minn Qbiela Ta’ Art Agrikola Privata

 Assistenza Legali Lil Bdiewa F’Riskju Ta’ Evizzjoni Minn Qbiela Ta’ Art Agrikola Privata

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali fi stqarrija qal li l-Gvern ħa jkun qed joffri assistenza legali lil dawk il-bdiewa li qegħdin jiffaċċjaw problemi u theddid li jitkeċċew minn raba privata li ġiet imqabbla lilhom.

Dan wara li fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tat-23 ta’ Novembru 2020 fl-ismijiet “J&C Properties Limited vs Nazzareno Pulis et”, il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat illi l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba (Kap. 199) jivvjola d-drittijiet fundamentali għat-tgawdija tal-proprjetà kif ukoll ta’ smigħ xieraq fir-rigward ta’ sid l-art. B’konsegwenza ta’ din is-sentenza, bdiewa qegħdin jiġu mhedda bit-tkeċċija minn raba privata mqabbla lilhom.

Il-gvern jagħraf illi l-iskop tal-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba huwa li jassigura li art agrikola tintuża għal skopijiet agrikoli u mhux li tiġi kkonvertita għal skopijiet mhux agrikoli, bħal fosthom użu rikreazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali se jkun qiegħed jassisti lil dawk il-bdiewa li qed jiġu rinfaċċjati bi problemi billi jipprovdi assistenza teknika u legali bl-għan li jtaffi piżijiet finanzjarji minħabba azzjonijiet legali u kawżi l-Qorti. Dawn is-servizzi se jkunu qegħdin jiġu provduti permezz ta’ l-AgriConnect fi ħdan il-Ministeru.

Bdiewa li huma reġistrati mad-Dipartiment tal-Agrikoltura li ġew mhedda, ingħataw avviż ta’ evizzjoni jew li ġia ttieħdu l-Qorti minn sid l-art jistgħu jibbenefikaw minn din l-inizjattiva. Talbiet għal għajnuna teknika jew pariri legali jistgħu jsiru billi jsir kuntatt ma’ AgriConnect bit-telefon fuq in-numri 21804981/2/4 jew permezz ta’ email fl-indirizz [email protected] jew billi jżuru wieħed mill-uffiċini fil-Mellieħa, Qormi, Żabbar u r-Rabat, Għawdex.

Bdiewa li huma involuti f’kawżi attivi fil-qrati tagħna, jew li ġew notifikati b’att tal-Qorti, jew dawk li s-sid tal-art imqabbla lilhom ma aċċettax il-ħlas tal-qbiela, jistgħu jkunu assistiti permezz ta’ rapreżentanza legali quddiem il-Qorti. Il-Ministeru se jkun qiegħed jipprovdi wkoll assistenza sabiex il-qbiela tiġi depożitata taħt l-Awtorità tal-Qorti f’isimhom. ​

Ritratt: ONE News

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com