Il-Ministru Miriam Dalli Tħabbar Il-Ġimgħa Ewropea Għall-Iżvilupp Sostenibbli

 Il-Ministru Miriam Dalli Tħabbar Il-Ġimgħa Ewropea Għall-Iżvilupp Sostenibbli

Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt konferenza tal-aħbarijiet ħabret il-proġett pilota ‘Youths for Sustainable Communities’ li se jkun qed jassisti żgħażagħ bejn is-16 u l-21 sena li għandhom ideat dwar kif il-komunitajiet tagħna jkunu sostenibbli, b’mod partikolari mill-qasam imprenditorjali.

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li tingħata opportunità liż-żgħażagħ sabiex bl-ideat tagħhom ikunu parti mill-bidla favur iktar kommunitajiet sostenibbli filwaqt li jingħataw direzzjoni u gwida dwar kif idea tista’ tiżviluppa f’negozju.

Il-proġett pilota se jkun qed jitħaddem mill-Fondazzjoni Maltija Achievement Young Enterprise flimkien mall-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, bil-parteċipazzjoni ta’ persuni minn negozji li jistgħu jservi bħala mentors.

Il-Ministru Dalli ħabbret ukoll li għadd ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet se jtellgħu inizjattivi biex ifakkru l-Ġimgħa Ewropa għall-Iżvilupp Sostenibbli 2021, bit-tema ‘Għal Tkabbir Reżiljenti, Ekoloġiku u Inklussiv’.

Il-Ministru Dalli spjegat kif diversi negozji tal-familja jistgħu jservu bħala role models għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

“B’dan il-proġett qed nassiguraw li ż-żgħażagħ tagħna tingħatalhom gwida u assistenza prattika minn imprendituri lokali, fejn dawn ikunu jistgħu jgħaddu l-esperjenza tagħhom lil dawn iż-żgħażagħ, li mhux bilfors tingħatalhom b’mod akkademiku,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

L-ewwel sessjoni ta’ informazzjoni se tkun qed isir fl-14 ta’ Ottubru, u dawk iż-żgħażagħ interessati huma mħeġġa jikkuntattjaw lil J.A.Y.E jew lil Kunsill Lokali taż-Żurrieq.

Il-Ministru Dalli semmiet ukoll dwar kif Malta se tingħaqad mal-bqija tal-Unjoni Ewropea biex tfakkar il-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli. Din l-inizjattiva hija mifruxa fuq numru ta’ ġranet bejn it-18 ta’ Settembru u t-8 ta’ Ottubru, bil-qalba tal-attivitajiet isiru bejn l-20 u s-26 ta’ Settembru.

Għadd ta’ stakeholders differenti bħal NGOs, kunsilli lokali, social partners, għaqdiet ta’ servizzi finanzjarji u oħrajn se jniedu inizjattivi differenti, li jolqtu l-miri tal-SDGs. Fost oħrajn hemm kampanja ta’ għarfien dwar vjolenza fuq persuni b’diżabilita, online platforms għal prodotti li huma sostenibbli u favur l-ambjent, kif ukoll online u coaching sessions dwar kif aktar proġetti jistgħu jkunu sostenibbli.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex ikun parti minn din il-kampanja Ewropea għal bidla sostenibbli.

Preżenti għal konferenza kien hemm id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, Gurdians for the Future Generations u Sustainable Development Network.

Ritratt: DOI

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor