€160,000 Għall-Iskema Ta’ Għajnuna Lis-Soċjetajiet Tal-Banda
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera nieda l-ħames edizzjoni tal-iskema ta’ għajnuna għall-każini tal-banda, b’sostenn mill-Kunsill Malti għall-Arti. L-allokazzjoni ta’ €160,000 għall-iskema ta’ din is-sena tkompli tibni fuq aktar minn €1 miljun f’fondi diretti allokati lis-soċjetajiet kulturali lokali bbażati fil-komunità matul dawn l-aħħar ħames snin.
Il-Ministru José Herrera enfasizza fuq l-impenn ta’ dan il-gvern lejn il-kultura tradizzjonali u l-importanza tal-involviment tal-komunità permezz tal-arti u l-kultura.
“Il-festi lokali tagħna jipprovdu opportunità tajba għall-komunità sabiex tipparteċipa f’diversi forom ta’ arti, filwaqt li żżomm ħaj l-aspett tradizzjonali tal-kultura tagħna li jagħti lill-gżejjer tagħna identità unika,” stqarr il-Ministru Herrera. “Issa li qed inħarsu lil hinn mill-pandemija, nibqgħu impenjati lejn il-kultura tradizzjonali, speċjalment dik iċċelebrata fil-komunitajiet tagħna. Permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Ministeru tiegħi, aħna impenjati li ngħinu lill-eluf ta’ dilettanti li volontarjament jiżguraw li dawn it-tradizzjonijiet huma salvagwardjati u jibqgħu miżmuma u attivi,” kompla l-Ministru.
Is-Sur Albert Marshall, Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Arti, spjega l-impenn tal-kunsill lejn din l-iskema. Is-Sur Marshall sostna li, “Il-Kunsill dejjem għaraf l-importanza li għandhom is-soċjetajiet tal-banda fi ħdan l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, mhux biss fit-tkattir tal-kultura mużikali u l-ħarsien u t-tisħiħ tat-tradizzjonijiet kulturali f’pajjiżna, imma wkoll ix-xogħol artistiku kollu li jittella’ fil-komunità.”
Din l-iskema hija maħduma b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, permezz ta’ MOU bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Għaqda, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet. Dr Noel Camilleri, President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, kien preżenti u indirizza din l-konferenza stampa.
Matul il-perjodu bejn l-2017 u l-2021, l-allokazzjoni ta’ fondi għal din l-iskema kienet ta’ €850,000, filwaqt li 104 benefiċjarju implimentaw proġetti permezz ta’ din l-iskema.
Il-linji gwida dwar kif tapplika għall-iskema ta’ għajnuna finanzjarja jinsabu fuq www.artscouncil.mt. L-applikazzjonijiet huma miftuħa fuq www.vofunding.org.mt sad-19 ta’ Novembru 2021. Għal aktar informazzjoni, żur www.artscouncil.mt, jew ibgħat email fuq [email protected], jew ċempel fuq 23347230.