Ftehim Sabiex Ikompli Jħares Id-Drittijiet Tat-Tfal Fir-Rigward Tal-Manteniment

 Ftehim Sabiex Ikompli Jħares Id-Drittijiet Tat-Tfal Fir-Rigward Tal-Manteniment

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis u mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, ġie ffirmat ftehim bejn l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali (LAM) u l-Fondazzjoni għal servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS).

Dan il-ftehim ser iwassal għal koperazzjoni aktar effettiva fl-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet li jitressqu minn pajjiżi barranin fir-rigward tal-manteniment tat-tfal u/jew il-minuri.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega li permezz ta’ dan il-ftehim, dan il-gvern qed ikompli juri kemm għandu għal qalbu d-drittijiet tat-tfal u l-minuri, u li qed naraw li dawn jiġu ssalvagwardjati bil-fatti, irrelevanti min huma jew minn fejn ġejjien. Mhux ser jiġi permess li ġenituri jabbandunaw lil uliedhom u jiġu jgħixu f’pajjiżna sabiex jaħarbu l-obbligi tagħhom. Huwa proprju għalhekk li ġie ffirmat dan il-ftehim, dawn l-applikazzjonijiet ser jassiguraw li d-drittijiet tat-tfal li qed jgħixu ma’ ġenitur f’pajjiż barrani jkunu jistgħu jipproċedu sabiex jinfurzaw deċiżjonijiet minn Qrati Ewropej barra minn xtutna jew jistabbilixxu manteniment sabiex ikunu jistgħu irabbu lil uliedhom bl-aħjar mod.

Il-Ministru Zammit Lewis għalaq l-intervent tiegħu billi saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-ftehim ġaladarba se jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn żewġ aġenziji importanti u jkompli jgħin biex ċ-ċittadin jingħata l-għodda kollha neċessarja biex jieħu dak li bid-dritt hu tiegħu u li d-deċiżjonijiet dejjem jittieħdu fl-aqwa interess tal-minuri.

Il-Ministru Michael Falzon qal li fl-aħħar sentejn kienu identifikati 22 każ, fejn ġiet mitluba assistenza legali minbarra l-pajjiż, minħabba kwistjonijiet ta’ manteniment. Semma kif huwa essenzjali li jiġu rispettati l-obbligi marbuta mal-manteniment, għax fl-aħħar mill-aħħar, dawn jaffettwaw lit-tfal direttament. Għaldaqstant il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-ftehim se jkun qed jikkonkretizza ordniijet li ġejjin minbarra l-pajjiż.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com