“Għandu Jissaħħaħ L-Aċċess Għall-Prodotti Farmaċewtiċi Fl-UE Biex Iċ-Ċittadini Kollha Jkollhom Trattament Mediku Ugwali U Adegwat” – Stefan Zrinzo Azzopardi
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħa sehem fil-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fi Brussell. Dan il-kunsill iltaqa’ biex jibda t-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tax-xahar id-dieħel, biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi dwar il-pandemija COVID-19 fl-istati membri u biex isir skambju ta’ fehmiet fuq il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.
Fl-intervent tiegħu waqt il-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi saħaq fuq l-importanza tal-aċċess għall-prodotti farmaċewtiċi fl-Unjoni Ewropea bl-għan li ċ-ċittadini kollha Ewropej, irrispettivament mill-kobor tas-suq lokali ta’ pajjiżhom, ikollhom garantit trattament mediku adegwat u l-aktar mediċini moderni li jkunu disponibbli fis-suq. Huwa saħaq li dan l-approċċ huwa importanti biex nindirizzaw l-isfidi tal-futur.
Fid-diskors tiegħu, Dr Zrinzo Azzopardi rrefera għas-suċċess ta’ Malta meta rnexxielha tlaqqam lil aktar minn 90% ta’ dawk eliġibbli kontra l-COVID-19. Huwa qal li t-tilqim fl-Unjoni Ewropea issa stabilizza ruħu għalkemm il-pandemija għadha mifruxa fost il-popolazzjoni, u għaldaqstant huwa aċċenna għall-ħtieġa ta’ ideat ġodda dwar kif aktar nies jiġu mħajjra jieħdu t-tilqima. Dr Zrinzo Azzopardi qal ukoll li jibqa’ importanti li nkomplu nsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni epidemjoloġika, inkluż l-okkorrenza tal-varjanti l-ġodda tal-virus li qed jinstabu.
Dwar it-tħejjijiet għall-aġenda tal-Kunsill Ewropew, is-Segretarju Parlamentari qabel li l-mexxejja Ewropej jiddiskutu l-pandemija tal-COVID-19, l-aġenda diġitali u kwistjonijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mar-relazzjonijiet esterni, fosthom it-tħejjijiet għall-konferenza COP26 fuq it-tibdil fil-klima, li se tiltaqa’ fi Glasgow. Għadd ta’ stati membri, fosthom Malta, ipproponew ukoll li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea jieħdu kont tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet relatati mal-migrazzjoni li kienu qablu fuqhom fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropej f’Ġunju li għadda.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi laqa’ b’mod partikolari l-inizjattiva biex jiġi segwit il-progress li qed isir fl-Aġenda Diġitali Ewropea fid-dawl tal-miri diġitali Ewropej sas-sena 2030 u kif ukoll biex jiġi diskuss aktar il-Kumpass Diġitali fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru.
F’din il-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali Ewropew sar ukoll skambju ta’ fehmiet fuq il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, fejn il-Kummissjoni Ewropea aġġornat lid-delegazzjonijiet dwar ix-xogħol li qed isir f’dan il-qasam. Il-Kunsill ġie mgħarraf ukoll dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.